Investigazzjoni li ilha għaddejja sentejn fl-Italja, imlaqqma Operazione Rekord, wasslet għall-arrest ta’ 17-il persuna madwar l-Italja kollha fuq frodi li hu maħsub li tlaħħaq it-€300 miljun.
Fl-investigazzjoni tissemma’ wkoll Malta, hekk kif jirriżulta li l-assoċjazjoni kriminali kienet qed tuża lil pajjiżna, kif ukoll lill-Iżvizzera, Spanja, l-Awstrija u s-Slovakkja biex twettaq ir-reati kriminali.
Jirriżulta li dawk arrestati qed ikunu akkużati b’diversi reati finanzjarji fosthom dikjarazzjonijiet frawdolenti, ħruġ ta’ invoices għal xogħol li qatt ma kien sar, nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, dikjarazzjonijiet qarrieqa għal skop ta’ evażjoni ta’ taxxa u reati oħra ta’ taxxa f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjali li jaħdem bl-elettriku u prodotti elettroniċi.
Dawk arrestati kienu jużaw kumpaniji li l-uniku skop tagħhom kien li japprovaw kontijiet foloz għal skop ta’ evażjoni tat-taxxa, u jidher li kien hawn l-involviment ta’ pajjiżna hekk kif uħud minn dawn il-kumpaniji kienu stabbiliti propju f’Malta.
Jirriżulta li l-frodi kienet issir b’diversi tipi: billi jinbiegħu prodotti tal-elettronika lil dawn il-kumpaniji b’sede fl-Unjoni Ewropea, jew billi dawn il-kumpaniji jixtru prodotti tal-elettronika għal prezz ferm ogħla mill-valur tagħhom jew li lanqas biss għadhom jintużaw għaliex antiki. it-tielet tip ta’ frodi seħħ bili nħarġu fatturi għal tranżazzjonijiet ineżistenti bl-iskop li l-kumpaniji jiksu l-bażi tat-taxxa u jiksbu tfaddil ta’ taxxa sostanzjali.
Jirriżulta wkoll li ħafna minn dawk li qed jiġu nvestigati kienu anke huma amministraturi ta’ numru ta’ soċjetajiet involuti fil-frodi.
Jirriżulta li l-valur totali tal-invoices għal xogħol ineżistenti li nħarġu minn dawn il-kumpaniji tammonta għal madwar €300 miljum, b’evażjoni ta’ iżjed minn €60 miljun f’taxxa u evażjoni ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ €25 miljun. L-Imħallef ordna l-konfiska għall-ekwivalenti ta’ madwar €85 miljun, daqs l-ammont tal-profitt minn din l-evażjoni.
//= $special ?>