Il-qawwiet tal-Iraq qegħdiniwettqu kampanja militari biex jieħdu lura l-aħħar fortizza tal-ISIS fid-deżert lejn il-Punent tal-pajjiż u li qed tmiss mal-fruntiera tas-Sirja.
Is-suldati Iraqqin, il-pulizija mill-provinċja ta’ Anbar u ġellieda tat-tribujiet Għarab Sunniti – ilkoll alleati għal kontra l-ISIS – qed javvanzaw, bħalissa, fuq il-belt ta’ Ana. Dan fost rapporti li l-progress tagħhom, għall-bidu, kien imfixkel mill-isplussivi li tqiegħdu fl-inħawi bħala booby-traps.
Il-belt ta’ Ana, li tinsab 90 kilometru mill-fruntiera Sirjana, hi waħda minn tliet ibliet Iraqqin fiz-zona tax-Xmara Euphrates li għadhom ikkontrollati mill-ISIS.
Il-militanti tal-ISIS għadhom jiddefendu bnadi sostanzjali tal-wied (fiz-zona tal-Euphrates) fil-provinċja Sirjana ta’ Deir al-Zour, iżda hemmhekk jinsabu taħt pressjoni mill-qawwiet favur il-Gvern tas-Sirja u l-alleanza tal-ġellieda Kurdi u Għarab li huma appoġġjati mill-Istati Uniti.
Sorsi militari Iraqqin qalu, intant, li l-assalt fuq l-ISIS f’Ana u d-distrett tal-madwar qed ikun appoġġjat mill-ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana.
Il-pjan hu li l-militar Iraqi, ladarba jieħu lura Ana, jikkonċentra fuq l-inħawi ta’ Rawa, lejn it-Tramuntana u fuq il-belt ta’ al-Qaim, li hi l-aktar belt qrib il-fruntiera mas-Sirja.
L-għan tal-militar hu biex ‘il-provinċja sħiħa ta’ Anbar tirritorna taħt l-amministrazzjoni tal-Gvern Iraqi’, bl-offensiva fuq Ana qed issir anki waqt li l-qawwiet Iraqqin kienu qed iħejju assalt fuq Hawija, fortizza oħra tal-ISIS, fit-Tramuntana ta’ Bagdad.
//= $special ?>

