Bastiment tal-merkanzija li kien ġej lejn Malta mil-Libja ġie sekwestrat mill-awtoritajiet Libjani, li arrestaw ukoll tmien membri tal-ekwipaġġ.
Abbord l-ENVI 1, li jtajjar bandiera tal-Panama u kien fil-port ta’ Zawia, instab materjal tal-kostruzzjoni li kien se jinġieb lejn Malta bil-kutrabandu.
Fid-dawl ta’ dan il-Gwardja tal-Kosta tal-Libja arrestat lil tmien membri tal-ekwipaġġ, ħames Albaniżi u tliet ċittadini tal-Montenegro, li kienu għadhom kif bdew isalpaw ‘il barra mill-port Libjan.
L-ENVI 1 hu bastiment proprjetà tal-kumpanija Delmore Ventures Ltd li topera mill-Albanija. Il-bastiment għandu tul ta’ 83 metru li nbniet 33 sena ilu u kapaċi tesa’ mat-3,500 tunellata ta’ materjal.
L-awtoritajiet Libjani jemmnu li bl-arresti li saru, irnexxielhom ikissru ċirku ta’ kutrabandu ieħor.
Fl-aħħar xhur kien hemm diversi rapporti li bastimenti qed jużaw l-ibħra madwar pajjiżna biex jibdlu ż-żejt minn fuq bastiment għall-ieħor, jitfu l-istrumenti li permezz tagħhom tinstab il-lokazzjoni tagħhom u b’hekk jiżvijaw l-awtoritajiet waqt li jwasslu ż-żejt mil-Libja lejn l-Ewropa.
//= $special ?>