Il-gowlkiper ta’ Bayern Munich Manuel Neuer se jdum barra tal-anqas sa Jannar li ġej wara li kien operat minħabba li kiser siequ waqt sessjoni ta’ taħriġ li saret nhar it-Tnejn li għadda.
Neuer kien għadu kemm irritorna minn injury serja fl-istess sieq u fil-fatt kien ilu ma jilgħab sa minn tmiem Awwissu li għadda.
Il-gowlkiper ta’ 31 sena se jitlef mhux biss partiti ta’ Bayern Munich imma anke partiti tat-tim nazzjonali Ġermaniż validi mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
Fil-5 ta’ Ottubru l-Ġermanja tilgħab barra minn darha kontra l-Irlanda ta’ Fuq u tlett ijiem wara taffronta lill-Ażerbajġan.
Il-Ġermaniżi huma ferm viċin li jiksbu l-kwalifikazzjoni hekk kif bħalissa jinsabu fil-quċċata tal-grupp rispettiv tagħhom b’vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb rivali tagħhom.
Dawn huma l-aħħar żewġ partiti li jmisshom il-Ġermanja u jekk kemm-il darba dawn jikkwalifikaw Neuer mistenni jkun in-numru wieħed bejn il-lasti waqt it-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja.
//= $special ?>