Futbol Sport

Il-FIFA tikkundanna lil St. George’s

Razak Mendy

Il-FIFA kkundannat lil St. George’s li jħallsu lil Razak Mendy ħames xhur paga u wkoll il-paga għall-istaġun 2017 minbarra l-interessi.

Il-plejer mill-Ghana, li kien qed jiġi mgħejun ukoll mill-Malta Football Players Association, ilmenta li l-klabb ma ħallsux għax-xhur ta’ bejn Jannar u Mejju 2016 u ngħata raġun.

Iżda l-verżjoni tal-klabb ta’ Bormla hi differenti. Il-klabb qed jisħaq li l-plejer kellu bżonn kuntratt mal-klabb biex jingħata permess li bih ikun jista’ jaħdem f’Malta.

Il-klabb jgħid ukol li l-plejer saħansitra ffirma karta li hu kien lest jilgħab b’xejn, u kien għalhekk li l-plejer ma marx għand il-Qorti Maltija għaliex kien jitlef il-każ.

Uffiċjal ta’ St. George’s stqarr ma’ Replay ukoll li l-klabb għamel dan kollu biex jgħin u għaliex tħassar lill-plejer. Iżda meta l-permess ma nħariġx, u l-plejer kellu jħalli pajjiżna, dan għażel li minflok idur kontra l-klabb.

St. George’s mhux mistennija jappellaw, kemm għax l-interessi għall-klabb ikompli jiżdiedu kif ukoll minħabba riskju li l-klabb jitlef ukoll l-appell.