Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Twissi li s-sanzjonijiet ‘jaċċelleraw’ il-programm nukleari

 

Il-Korea ta’ Fuq komunista wissiet li hi għandha żżid ir-ritmu tal-programm nukleari f’każ li tkun suġġetta għal aktar sanzjonijiet u pressjoni.

Ir-reġim fi Pyongyang fisser is-sett ġdid tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti bħala azzjoni li tmur kontra kull etika minbarra li jqisu wkoll bħala ‘att ta’ ostilità’.

Dan waqt li l-Istati Uniti u ċ-Ċina impenjaw ruħhom biex iżidu l-pressjoni fuq il-Korea ta’ Fuq bl-infurzar riġidu tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Sadanittant,  saru wkoll eżerċizzji militari konġunti mill-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel bħala wirja ta’ saħħa fl-eqqel tal-krizi ma’ Pyongyang.

Il-Korea komunista, nhar il-Ġimgħa, sparat l-aħħar missila tagħha minn fuq il-Ġappun wara l-konferma ta’ round ġdid ta’ sanzjonijiet tan-NU fil-konfront tagħha.

L-azzjoni kienet ikkundannata bl-aħrax mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u issa, stqarrija minn Pyongyang qalet li ‘l-impenji tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha biex jimponu s-sanzjonijiet se jservu biss biex iżidu l-ħidma tal-Korea ta’ Fuq lejn il-konklużjoni tal-proġett nukleari’.

Is-sanzjonijiet għandhom il-għan li l-Korea ta’ Fuq ma tirċevix fuel u finanzi għall-programmi tal-armi, minbarra li jirrestrinġu lill-importazzjoni taż-żejt minn dak il-pajjiż.

Intant, xi kritiċi qed jiddibutaw kemm ir-restrizzjonijiet huma effettivi, peress li l-Korea ta’ Fuq xorta tista’ tidħol għall-kummerċ fuq livell internazzjonali.