Lokali

FILMAT: Il-PN se jkompli jkun l-aġent tal-bidla – Adrian Delia

Il-bidla li tgħaqqadna trid twassal għal tibdil fil-ħsieb imma ma tabbandunax dak it-tajjeb kollu li l-Partit Nazzjonalista kien aġent tiegħu mindu twaqqaf.

Iddikjara dan il-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li t-Tlieta ndirizza l-aħħar laqgħa taħt it-tinda, qabel il-mass meeting tal-Indipendenza.

Qal li l-politika trid tkun waħda nadifa, li tħares ‘il quddiem imma ma tifridx lill-poplu għaliex pajjiżna għandu dan il-bżonn.

Għall-kuntrarju, il-Gvern mhux interessat f’diskussjoni stieden biss lill-Partit Nazzjonalista għal kumitat tekniku dwar l-iskart b’deċiżjonijiet diġa’ ttieħdu.

Qal li hu lest jikkunsidra li l-Partit Nazzjonalista jattendi għal laqgħat fejn isiru d-deċiżjonijiet jew jiġu skrutinizzati d-deċiżjonijiet, imma mhux lest li jkun hemm biex jiġġustifika d-deċiżjonijiet li diġa’ ttieħdu.

Adrian Delia ħa diversi mistoqsijiet minn membri tal-Kumitati. Fost l-oħrajn wiegħed mill-ġdid li l-Partit Nazzjonalista se jibda jibgħat regolarment mill-inqas suġġett wieħed biex il-membri tal-kumitati jgħaddu l-opinjoni tagħhom.

Impenn ieħor hu li l-Kumitati jkunu iżjed firxa wiesgħa, kemm fl-etajiet kif ukoll sess, bl-inklużjoni ta’ taħlita ta’ professjonisti u ħaddiema tas-snajja biex dawn il-Kumitati jkunu riflessjoni tas-soċjetà.

Żvela li diġa’ talab il-lista kollha ta’ tesserati li ma vvutawx, u wiegħed li se jibda jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minnhom biex ikompli l-proċess ta’ għaqda interna.

Meta mistoqsi mill-membri tal-kumitati u l-fergħat tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-importanza tan-negozji, investiment fl-użu tal-midja soċjali biex il-messaġġ jasal għand in-nies kif ukoll enfasi biex il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista jintagħżlu kemm jista’ jkun malajr biex jiġu ppreparati għall-elezzjoni waqt li n-nisa jitqiesu ugwali.

Mill-ġdid Adrian Delia tkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ, li qal li huma interessati fil-futur tagħhom u allura jridu jkunu strumentali fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Iżda fl-istess waqt Adrian Delia rrefera wkoll għall-importanza tal-anzjani, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom biex jgħinu lill-Partit Nazzjonalista jimxi ‘l quddiem.

Dan filwaqt li appella biex il-problemi soċjali ma jibqgħux jiġu diskussi fuq livell politiku imma dak soċjali u esprima solidarjetà mal-ħaddiema tal-Air Malta.

U waqt li tkellem dwar iż-żoni tal-Ewwel Distrett, appella għal azzjoni mmedjata għall-immodernizzar u twelid mill-ġdid tal-lokalitajiet li qed jogħtru taħt problemi ta’ binjiet abbandunati, vojta, bi kriminalità u llegalitajiet rampanti.