Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, illum fi New York għamel l-ewwel diskors tiegħu lin-Nazzjonijiet Uniti bħala Mexxej ta’ pajjiżu u fejn għamilha ċara li ‘l-Amerika tkun kostretta li teqred kompletament lill-Korea ta’ Fuq komunista f’każ li jkollha tiddefendi lilha nnfisha jew lill-alleati’.
Il-Korea komunista, fl-aħħar xhur, wettqet il-provi għall-bombi nukleari u l-missili bi sfida ċara għan-Nazzjonijiet Uniti. Intant, il-President Amerikan, illum, irredikola lill-Mexxej tal-Korea komunista, Kim Jong-jun, b’referenzi għalih bħala ‘Rocket man’, fost l-insistenza li ‘it-Tmexxija fi Pyongyang qabdet it-triq lejn suwiċidju’.
Il-kummenti partikulari ta’ Trump huma l-aktar twissija serja tiegħu (s’issa) lill-Korea ta’ Fuq, li l-aġir aggressiv tagħha qiegħed jhedded bil-kbir lill-Asja u lir-reġjuni ‘il hinn minnha.
Meta indirizza lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-President Trump wissa dwar it-theddida ta’ pajjiżi li ma jirrispettawx lil pajjiżi oħra u lill-kriterji tal-komunità internazzjonali . Dan filwaqt li hu rrefera speċifikament għall-Korea ta’ Fuq u l-Iran bħala ‘eżempji tipiċi’.
Fl-istess ħin, Trump ħeġġeġ lill-Istati-membri tan-NU biex jaħdmu flimkien ħalli jiżolaw lill-Gvern ta’ Kim ‘dment li jippersisti bl-aġir ostili’.
Meta tkellem dwar l-Iran, Trump qal li dan il-pajjiż hu mmexxi minn ‘dittatorjat korrott’ u sostna li r-reġim Iżlamiku f’Tehran għandu l-intenzjoni li jiddistabblizza lir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Il-President Amerikan sejjaħ biex il-Gvern f’Tehran ma jkomplix jappoġġja lit-terroriżmu filwaqt li kkritika mill-ġdid il-ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran – li kien sar waqt l-era tal-President Amerikan preċedenti, Barack Obama – bħala ‘patt li jħammar il-wiċċ’.
F’partijiet oħra tad-diskors lin-NU, Donald Trump irrefera għall-kriżi fil-Veneżwela li hi mmexxija minn Gvern tax-xellug li hu ostili għal Washington. Trump sostna li l-kriżi hi ‘inaċċettabbli’ u li l-Istati Uniti ‘ma tistax toqgħod tħares’ fiċ-ċirkustanzi.
Hu, fl-istess ħin, ikkritika lis-soċjaliżmu bħala ideoloġija, fejn qal li dan wassal biss ‘għall-uġigħ, il-qerda u l-falliment’.
//= $special ?>

