Internazzjonali

Jinstab sottomarin Ġermaniż tal-Ewwel Gwerra ‘il hinn mill-Belġju 

Instabu l-fdalijiet ta’ sottomarin Ġermaniż li kien għereq ‘il hinn mill-kosta tal-Belġju matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Is-sejba saret fil-Baħar tat-Tramuntana u l-uffiċjali jemmnu li jista’ għad fadal ‘madwar 23 katavru’ fis-sottomarin.

Dan is-sottomarin, tat-tip UB-11, għadu pjuttost f’kundizzjoni tajba wara għexieren ta’ snin taħt 30 metru fond ta’ baħar, mhux wisq ‘il bogħod mill-kosta.

Rapport ieħor, mhux ikkonfermat, sostna li s-sottomarin Ġermaniż jinsab qrib il-port ta’ Ostende.

Carl Decaluwe, il-Gvernatur tar-reġjun ta’ Flanders lejn il-Punent qal, fil-fatt, li s-sottomarin tant għadu ‘tajjeb’ li hemm kull possibbiltà li, ‘il quddiem, jittellgħu l-katavri tal-baħrin mejtin miz-zona.

L-indikazzjonijiet huma li s-sottomarin kien inqered fi splużjoni ta’ mine u Decaluwe qal li l-lokalità tal-inġenju qed jinżamm mistur, għalissa, biex in-nies ma jmorrux fuq il-post. L-awtoritajiet iridu wkoll jevitaw il-potenzjal ta’ serq mis-sottomarin li t-tip tiegħu kien magħmul biex iġorr ‘kaptan u ekwipaġġ ta’ 22 baħri’.