Lokali

Filmat: “Illum seħħ miraklu ma’ marti” – George Bruno

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3pm - fil-post waslet l-ambulanza

Għall-ħabta tas-2:30 ta’ wara nofsinhar waqt li l-koppja Bruno kienet f’darha nħasdet hekk kif waqa’ parti mis-saqaf tal-kamra tas-sodda fir-residenza tagħhom fi Triq Pace f’Tas Sliema.

Fil-ħin tal-inċident Silvana Bruno kienet qed tistrieħ fil-kamra tas-sodda meta f’daqqa u l-ħin semgħet ħoss kbir ġej minn fuq il-bejt u fl-istess waqt rat parti mis-saqaf iċedi għal fuqha.

Jirriżulta li brick li tissejjaħ “tad-disa'” waqgħet madwar sular u nofs fuq il-bejt tal-appartament tal-koppja Bruno bil-konsegwenza li ċeda parti mis-saqaf. Ma’ ġenb ir-residenza tagħhom bħalissa għaddej xogħol ta’ bini ta’ appartamenti ta’ madwar ħames sulari.

Il-mara ta’ 51 sena ttieħdet l-isptar għall-osservazzjoni medika.

Ir-raġel ta’ Silvana, George Bruno rrakkonta ma’ netnews.com.mt li fil-ħin tal-inċident hu kien fil-kċina u sema’ lil martu tgħajjat għall-għajjut. Malli mar ħdejha fil-kamra tas-sodda ra l-ħerba. Qal ukoll li dak il-ħin ħass biża li martu setgħet weġġgħet u fl-istess ħin ħass rabja talli spiċċaw vittma ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li għaddej biswit fejn joqogħdu huma.

Fuq il-post waslu membru tal-protezzjoni ċivili u anke uffiċjali tal-pulizija li bdew l-investigazzjoni ta’ x’wassal għall-inċident.

Ġirien tal-koppja Bruno u li tkellmu ma’ netnews qalu issa xebgħu bl-ammont kbir ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li għaddejjin ħdejhom u li minħabba fihom ikollhom jesperjenzaw ħsarat f’dahrom.