Lokali

AĠĠORNATA: L-Air Malta se tnaqqas il-ħaddiema bi kważi 460

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta fil-ġimgħat li ġejjin se tnaqqas il-ħaddiema tagħha b’madwar 460 biex b’hekk tinżel għal 600 ħaddiem.

Ħabbar dan il-Ministru Konrad Mizzi li qal li diversi servizzi li s’issa kienet toffri l-Air Malta, inkluż is-servizz tar-rampa u l-ground u luggage handling mhux se jibqgħu offruti mill-istess kumpanija iżda jgħaddu f’idejn kumpanija oħra.

L-istess Ministru kompla jżomm mal-pożizzjoni tiegħu, li l-ħaddiema jew jaċċettaw il-kundizzjonijiet offruti lilhom jew inkella l-kumpanija tiftaħ taħt isem ġdid b’ħaddiema oħra minflokhom.

Mistoqsi jekk għadux isostni din ilpożizzjoni, il-Ministru Mizzi qal hekk: “Il-kuntest li għamiltha fiha kien li jekk naslu f’sitwazzjoni fejn il-kumpanija tkun insolvent, il-Gvern ma jkollux għażla ħlief li jkollu Plan B f’postu.”

Il-Miistru Konrad Mizzi qal li mill-piloti qed jistenna ħinijiet itwal ta’ titjiriet u bidla fil-prattiċi tax-xogħol għall-cabin crew. Iżda minkejja theddida mill-unions rispettivi li jwaqqfu l-operat frott in-nuqqas ta’ qbil dwar dak offrut, il-Ministru Mizzi jagħlaq kull lok għal diskussjoni.

“Dak li offrejna hu l-massimu li nistgħu noffru,” għamilha ċara Konrad Mizzi. Mistoqsi jekk dan ifissirx li qed jagħlaq ukoll kull lok għal diskussjoni, il-Ministru qal: “Għax konna very fair.”

F’kummenti lil Net News, anke ċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion, iddeskriva t-talbiet tal-ħaddiema bħala talbiet mhux realistiċi.

“Jekk tgħidli nagħmillek żieda ta’ 20% kulħadd jieħu gost imma ma tkunx realsitika. Irridu żidiet realistiċi li tiflaħ il-kumpanija fil-pjan kummerċjali tagħha għax ma nistax niżola l-collective agreements mal-pjan kummerċjali,” iddikjara Mangion.

Fid-dawl tal-istqarrijiet mill-unions, Mangion appellalhom biex ma jkissrux lill-kumpanija bl-aġir tagħhom. “Ifhmu l-kumpanija x’tista’ tagħti, imma tkissruhiex. Għax jew se naħdmu flimkien biex tibqa’ kumpanija, inkella jekk titkisser ma jkun hemm kumpanija għal ħadd.”

Il-kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi diġa’ ġabu sensiela ta’ kundanni, inkluż mill-UĦM Voice of the Workers.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun it-tarka tal-ħaddiema tal-Air Malta – PN

Il-ħaddiema tal-Air Malta – b’mod partikolari dawk tal-ground handling – dalgħodu qamu b’ħasda hekk kif saru jafu – mill-media – li mhux se jibqgħu ħaddiema mal-linja nazzjonali tal-ajru, iżda se jiġu trasferiti għal kumpanija oħra privata.

Dan hu xokk għal dawn il-ħaddiema hekk kif sa ftit ġranet ilu, l-Gvern Laburista baqa’ jassigura futur għalihom, mingħajr qatt ma tahom l-impressjoni li se jkunu qed jitkeċċew minn mal-Air Malta. Anzi, bil-kontra. Sa qabel l-elezzjoni, l-Partit Laburista beda jivvinta li Gvern Nazzjonalista kien se jagħlaq il-linja nazzjonali tal-ajru. Issa, jirriżulta li hu l-Partit Laburista li jidher li mar f’din id-direzzjoni, bi tradiment ċar mal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun it-tarka tal-ħaddiema kollha – inkluż dawk tal-Air Malta, u jinsisti li l-Gvern, minnufih, jippubblika d-dettalji kollha ta’ dak li tħabbar dalgħodu – inkluż l-iskadenza ta’ dan il-ftehim – u ma jkomplix iżid l-inċertezza għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.