Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li wara diversi talbiet sabiex jibda jiġi negozjat ftehim settorjali għall-membri tal-Korp tal-Pulizija, fi Frar li għadda l-Assocjazzjoni kienet ħabbret li ser tieħu azzjoni legali sabiex tfittex id-drittijiet tal-Pulizija li jkollu kundizzjonijiet diċenti fuq l-istess livell tal-ħaddiema l-oħra tas-servizz pubbliku, kif ukoll jiġu ndirizzati sitwazzjonijiet speċifiċi għax-xogħol tal-Pulizija.
L-aktar kwistjoni pertinenti hija dik li l-Pulizija jrid jaħdem 46 siegħa biex jitħallas dak li ħaddiem ieħor fis-servizz pubbliku jaħdem għalih 40 siegħa.
L-akbar anomalija f’din il-kwistjoni hi li dawn is-siegħat ta’ xogħol huma bbażati fuq dokument li ġie ffirmat fl-2012 bejn il-Ministeru għall-Intern u l-Ministeru tal-Finanzi, liema dokument ma kienx ġie negozjat quddiem il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar skont ma kienet titlob il-liġi.
L-Assoċjazzjoni qalet li din l-anomalija, apparti li qed ittellef lill-Pulizija 15% fid-dħul tiegħu, qed twassal biex it-48 siegħa, stipulati mid-Direttiva Ewropea dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol, li min iħaddem jista’ jobbliga li jħaddem lill-ħaddiem, qed jintlaħqu u jinqabzu mingħajr il-kunsens tal-ħaddiem hekk kif titlob l-istess Direttiva. L-implimentazzjoni Maltija ta’ din id-Direttiva qed tiġi miksura direttament mill-istat innifsu.
L-Assocjazzjoni ġimgħatejn biss wara li kienet ħabbret li ser tieħu azzjoni legali fi Frar stess dwar dan, kienet irċeviet stedina biex jibdew in-negozjati.
Minn Frar sal-lum, kien hemm biss tliet laqgħat u l-Pulizija għadha bl-istess kundizzjonijiet. Din is-sitwazzjoni qed toħloq rabja kbira fost il-Pulizija li kienu tant imwegħda li ser titranġa s-sitwazzjoni, u issa li qrobna għall-baġit ieħor, għadna l-istess, qalet l-Assocjazzjoni tal-Pulizija.
Għaldaqstant, l-Assocjazzjoni qed titlob lill-gvern sabiex jieħu azzjoni u ma jibqax iwarrab lill-Pulizija fil-ġenb u jibda jistmaħ b’dinjità vera, billi jħarislu id-dritt fundamentali tiegħu mnaqqax kemm fil-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, li jinnegozja kollettivament bħala ħaddiem, u bil-fatti, jagħtih dawk il-kundizzjonijiet li dan l-irwol essenzjali fis-soċjeta’ tagħna jixirqulu, sosniet l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija.
//= $special ?>

