Futbol Sport

MOTOGP – Valentino Rossi lura għat-taħriġ

Is-sewwieq Valentino Rossi rritorna għat-taħriġ 18-il jum biss wara li kien operat minħabba li kiser siequ.

L-inċident kien seħħ meta hu weġġa’ bil-mutur fl-Italja u għamel l-operazzjoni wara li sofra ksur fit-tibia u l-fibula li huma l-għadam tal-qasba tas-sieq.

Rossi, li għandu 38 sena se jiddeċiedi l-Erbgħa jekk jikkompetix fil-Grand Prix ta’ Aragon fi Spanja nhar il-Ħadd li ġej.

L-ekschampion tad-dinja bħalissa jinsab fir-raba’ post fil-klassifika ġenerali tas-sewwieqa, 42 punt taħt il-lider Marc Marquez. Għal tmiem il-kampjonat fadal ħames Grand Prix u jidher li se tkun diffiċli li din is-sena jerġa’ jisfida għar-rebħ tat-titlu kif għamel l-istaġun li għadda.

Is-sessjoni tat-taħriġ saret fiċ-ċirkwit ta’ Simoncelli fl-Italja imma din kellha tintemm ħesrem minħabba x-xita.

It-tabib Raffaele Pascarella kien ddeskriva l-proċedura bħala suċċess.

Rossi kien wera dispjaċir għall-inċident u tenna li se jagħmel l-aħjar li jista’ biex jirritorna mill-aktar fis possibbli. It-tabib Pascarella qal li l-operazzjoni damet madwar siegħa u żied għid li l-aktar ħaġa importanti hi li Rossi jinsab tajjeb.

Minħabba l-operazzjoni Rossi diġa’ tilef il-Grand Prix ta’ Misano f’San Marino.

Ta’ min jiftakar li l-injury ta’ Rossi hi l-istess sieq li t-Taljan kien kiser f’ħabta f’Mugello fl-2010.