Lokali

Numru ta’ Taljani arrestati fuq evażjoni fiskali – kienu jużaw kumpaniji ta’ kreditu f’Malta

Żewġ persuni minn Modena, Massimo Seghedoni ta’ 60 sena u Manuela Taglini ta’ 48 sena, ġew arrestati mill-Pulizija fl-Italja fuq akkużi ta’ ħasil tal-flus li jlaħħaq il-€5 miljun.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li t-Taljani kienu joffru kuntratti lill-klijenti tagħhom u joffrulhom ritorn ekonomiku faċli u tajjeb kemm-il darba jinvestu flushom. Ħafna minn dawk affettwati offrew somom sostanzjali li jlaħħqu s-€70,000 kull wieħed u b’kollox jirriżulta li ġew iffirmati mal-144 kuntratt simili.

Min-naħa tagħhom l-akkużati kienu jdawru dawn il-flus f’pajjiżi barranin u l-profitt kien jgħaddi għand il-klijenti permezz ta’ karti ta’ kreditu mħallsa minn qabel (prepaid credit cards) u maħruġa minn kumpaniji ta’ kreditu Maltin u Ingliżi.

Fost l-akkużi li qed jaffaċċjaw l-akkużati hemm l-assoċjazzjoni kriminali, abbuż finanzjarju, riċiklaġġ. Magħhom hemm akkużati wkoll żewġ promoturi. Sakemm tkompli l-investigazzjoni, Seghedoni ntbagħat il-ħabs waqt li Taglini qed tinżamm arrestata f’dara. Magħom ġew arrestati wkoll Davide Anselmo Levi, Nicola Antonio Aiello u ċittadin Awstrijakk.

Hekk kif l-investigazzjonijiet ikomplu s’issa nstab li fost l-oħrajn kienu qed joperaw f’diversi pajjiżi fosthom Malta, l-Awstrija, il-Lussemburgu u r-Renju Unit.