Lokali

Pilloli u flus foloz fost l-oħrajn misjuba fil-posta

Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda impenjattiva għall-uffiċjali tad-dwana li jaħdmu fl-uffiċċju tal-posta ta’ Ħal Qormi.

Fost l-oħrajn interċettaw 12-il pakkett ħaxixa u żewġ pakketti oħra mimlijin pilloli. Dawn il-pakketti ġew mgħoddija lill-Pulizija għal iktar stħarriġ. Intant f’pakkett ieħor instabu wkoll mijiet ta’ karti ta’ flus foloz tad-dollaru Amerikan li jaqbżu l-valur ta’ 100,000 dollaru.

L-uffiċċju tad-Dwana qal li wieħed mill-pakketti bid-droga intbagħat mill-Kanada u kien indirizzat lil persuna residenti Birżebbuġa. Din ma kinitx l-ewwel darba li dan ir-raġel irċieva pakketti simili fejn tliet ġimgħat ilu ttella’ wkoll il-Qorti b’rabta ma’ xi pilloli li rċieva bil-posta.

Barra minn hekk, uffiċjali tad-dwana interċettaw ukoll 4,200 sigarett falz, fil-parti l-kbira tagħhom instabu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Il-kumplament tas-sigaretti foloz inġabru minn ħwienet f’San Ġiljan, Ħaż-Żebbuġ u Raħal Ġdid.