Somalu ta’ 22 sena kellu jittieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei wara inċident mhux tas-soltu li seħħ fi Triq Garibaldi, f’Ħal Luqa.
Jirriżulta li waqt li l-vann tax-xogħol li kien fuqu r-raġel kien għaddej minn din it-triq inqalbu xi oġġetti li kien qed iġorr.
Kien hawn li s-Somalu, residenti ż-Żebbuġ Għawdex u li kien passiġġier fit-trakk niżel biex jirranġa l-affarijiet, iżda għal xi raġuni s-sewwieq, li għandu 28 sena u resident Ħ’Attard, irriversja għal fuqu bi żball.
Kawża ta’ dan l-inċident, li seħħ għall-ħabta tal-ħdax neqsin għaxra ta’ filgħodu, fuq il-post kellu jissejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna liż-żagħżugħ qabel dan ittieħed għall-kura.
Fil-post waslu wkoll uffiċjali tal-Pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku li assiguraw li ma jkunx hemm periklu f’din it-triq frekwentata minħabba li t-trakk tax-xogħol kien mal-ġenb tat-triq jagħlaq parti mill-karreġġjata lejn il-Marsa.
//= $special ?>