Lokali Qorti

200 impjegat ta’ kumpanija imsejjħa fil-Qorti biex jixhdu wieħed wieħed

·       Il-każ hu dwar nuqqas ta’ ħlasijiet tal-bolla minn kumpanija tat-tindif bejn 1999 u 2007

·       Il-Qorti qed tivverifika kull każ individwali għal 463 ħaddiema li kienu impjegati fis-snin imsemmija minħabba li r-rekords mhux affidabbli

Xeni mhux tas-soltu fil-Qorti Kriminali fit-tieni sular hekk kif mal-200 persuna, li f’xi żmien kienu impjegati ta’ kumpanija tat-tindif, issejjħu sabiex jixhdu f’każ dwar serq ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali, magħrufa aħjar bħala il-bolla.

Il-każ jinvolvi l-kumpanija Salamander Cleaning Services fejn id-Direttur Maniġerjali tagħha, Anthony Ellul, kien akkużat li naqas milli jħallas il-kontribuzzjonijiet tal-bolla tal-impjegati tiegħu bejn l-1999 u l-2007. Il-kumpanija kienet impjegat 463 persuna matul is-snin imsemmija.

Fl-2014 hu kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u kien immultat €200 u multa ta’ €4 kuljum għal fuq każ individwali minn meta l-kawża tinqata’ sakemm isir il-ħlas dovut. Hu stmat, li bejn l-ammont dovut, multi amministrattivi u imgħax totali, is-somma totali tista’ titla’ għal madwar €1.3 miljun.

Il-Proċeduri issa jinsabu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi.

Jirriżulta li l-frodi kienet saret minn Joe Falzon li kien il-Manager tal-kumpanija responsabbli mir-Riżorsi Umani. Fil-fatt, hu kien ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih fi proċeduri separati u kien ordnat iħallas kumpens Lm10,000.

Fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-frodi kienet issir billi l-ħaddiema ikunu mniżżlin bħala impjegati part-time – fejn ma kienx hemm ħtieġa li titħallas bolla skont in-numru ta’ siegħat ta’ xogħol – meta fil-verita’ huma kienu impjegati fuq bażi full-time liema impjieg iġib miegħu l-obbligu tal-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali.

Fil-każ kontra Anthony Ellul, il-Qorti tal-Maġistrati kienet qagħdet fuq ir-rekords tal-kumpanija li kienu f’idejn Falzon.

Peress li issa kien stabbilit li r-rekords ta’ Falzon m’humiex affidabbli u d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali m’għandu ebda mezz biex jivverifika, l-Imħallef Antonio Mizzi qal li m’hemmx triq oħra ħlief li l-Qorti tal-Appell Kriminali tivverifika individwalment in-natura tal-impjieg tal-ħaddiema kollha li f’xi żmien kienu impjegati ma’ Salamander Cleaning Services bejn l-1999 u l-2007 sabiex jiġi stabbilit f’liema każi hemm ħlas ta’ bolla dovuta u f’liema m’hemmx.

Is-seduta tal-lum kienet it-tielet seduta fejn il-Qorti semgħet madwar 200 persuna. Fiż-żewġ seduti ta’ qabel, il-Qorti semgħet 20 ħaddiem u 40 ħaddiem rispettivament. Għaldaqstant, għad fadal madwar 263 ħaddiema li għad iridu jixhdu.

L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-appellant Anthony Ellul

Il-każ ikompli.