Lokali

FILMATI U RITRATTI: “Partit magħqud biex jagħti l-pajjiż lura lin-nies” – Adrian Delia

Partit magħqud biex jagħti l-pajjiż lura lin-nies. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, meta indirizza għall-ewwel darba, attivita tal-massa – il-meeting tradizzjonali fuq il-Fosos tal-Floriana, il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista biex ifakkar il-kisba tal-Indipendenza.

Ninsabu f’mument storiku ieħor, qal Adrian Delia, m’għandniex ġlieda kontra għedewwa barranin, il-kolonjaliżmu, jew l-indipendenza iżda għandna għal darb’oħra ġlieda għax-xogħol, ġustizzja u l-liberta’ u kontra l-korruzzjoni

30 sena ilu konna niġġieldu għall-liberta’ u issa qed jiġri l-istess. Transfers vendikattivi fuq mijiet ta’ nies għax qed iħaddnu twemmin politiku differenti.
Adrian Delia qal li l-PN se jibda jara dawn il-każijiet wieħed wieħed u se jkun it-tarka tagħkom

Dwar l-istedina għal laqgħa ma’ Joseph Muscat, il-Kap tal-PN qal li sezzjoni tal-media għamluha fatta mhux se jaċċetta. Adrian qal li dawn ħasbu li jibża’ minn Joseph Muscat. Tenna li mhux biss laqgħa l-istedina iżda għamel stedina hu lil Muscat

Stiednu wkoll jgħid jekk hux lest jiddikjara li se jagħti free-vote lil membri tiegħu fuq liġijiet li jolqtu materja ta’ kuxjenza.

Il-Kap tal-PN kompla li hawn ġlieda ikbar li forsi mhux qed narawha. Il-pajjiż m’hu sejjer lejn ebda direzzjoni ħlief li jirrendi lil pajjiżna bla ruħ.

Dan b’liġijiet li se jherru u jattakkaw il-valuri li jagħmluna verament Maltin. Liġijiet fuq prostituzzjoni, droga, surrogacy, abort.

Adrian Delia qal li l-Prostituzzjoni, li hi diġa legali, il-Gvern issa irid jikkommerċjalizza il-ġisem tal-bniedem u jpoġġilu prezz. Saħaq li l-PN mhux se jibqa’ sieket u se jiddefendi bl-ikbar saħħa u jiddefendi il-valuri li jagħmluna Maltin. Il-Kap tal-PN tkellem dwar l-ekonomija fejn il-Gvern Laburista ma ppjanajna xejn u ħalla l-ekonomija misjuqa mill-propjeta’. Hu fakkar li kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li tul iż-żmien welldu setturi ekonomiċi ġodda kollha f’pajjiżna.

Dwar l-Air Malta, Adrian Delia qal li l-problema ilha magħna għal diversi snin iżda f’dawn l-aħħar jiem il-Gvern wera biċ-ċar x’inhi l-pożizzjoni tiegħu. Dik li jgħaddi romblu minn fuq il-ħaddiema.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Adrian Delia qal li fil-ġranet li ġejjin se jkollu laqgħat interni fl-istrutturi tal-partit biex jiġi deċiż li l-elezzjonijiet tal-Viċi Kapijiet u l-elezzjonijiet fil-karigi oħrajn isiru malajr kemm jista’ jkun u jitlestew sa tmiem din is-sena. Biex fl-1 ta’ Jannar tibda it-tiġrija vera għall-elezzjoni ġenerali li l-PN irid jirbaħ.

Segwi hawn id-diskors kollu tal-Kap tal-PN.