Lokali

F’SIEGĦA: 116-il tessera ġdida waqt żjara ta’ Adrian Delia fuq il-Fosos

Illejla wara l-meeting, Adrian Delia se jkun qed jiffirma u jiltaqa' ma' dawk li se jissieħbu mal-PN

Ilbieraħ waqt żjara fuq il-Fosos tal-Furjana mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’siegħa waħda biss, ingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista 116-il persuna.

Wara l-attività politika taħt it-tinda bit-tema ‘Bidla li Tgħaqqadna’, fuq xewqa tiegħu stess, Adrian Delia qatta’ siegħa sħiħa fit-tinda tat-tesserament, jiltaqa’ man-nies li marru biex jissieħbu fil-Partit Nazzjonalista, u jiffirmalhom edizzjoni speċjali ta’ ‘il-mument’ li bdiet tiqassam ma’ kull tessera ġdida jew imġedda.

“F’siegħa daħlu 116-il membru ġdid fil-Partit Nazzjonalista, u dan jikkonferma li hemm mewġa ta’ entużjażmu ġdid,” qal l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono. “In-nies jixtiequ jiltaqgħu mal-Kap il-ġdid u hemm entużjażmu ġdid li qed jirrifletti fiż-żieda tat-tesserament,” żied jgħid.

Jean Pierre Debono żied jgħid iħabbar li llejla, wara l-meeting, Adrian Delia se jerġa’ jagħmel l-istess. “Hija x-xewqa tal-Kap il-ġdid li jerġa’ jagħmel din l-inizjattiva, u allura malli jispiċċa d-diskors, il-Kap se jkun qiegħed imur fl-istand tat-tesserament u nkomplu din l-inizjattiva,” temm jgħid.