Lokali Qorti

Jibqa meħlus wara li l-Qorti tiċħad appell mill-Avukat Ġenerali: Iżżid id-depożitu

Raġel li hu s-suspettat ewlieni ta’ hold-up armat fuq karozza iktar kmieni dan ix-xahar, se jibqa’ jgawdi l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti Kriminali, ma’ laqgħetx it-talba tal-Avukat Ġenerali biex ikun revokat il-ħelsien mill-arrest.

Ismael Habesh, imwieled fil-Libja 46 sena ilu, ingħata l-liberta’ proviżorja wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-hold-up li kien seħħ f’Ħal Qormi. Habesh mistenni wkoll jgħaddi ġuri biex iwieġeb għall-qtil ta’ Simon Grech fil-Marsa fl-2005.

Hu kien ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000. Hu kien ordnat ukoll li jiffirma kuljum f’għassa tal-Pulizija u li ma joħroġx mir-residenza tiegħu matul il-lejl. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appella sabiex il-Qorti tirrevoka l-liberta’ proviżorja u tordna li Habesh ikun arrestat mill-ġdid.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, ċaħad it-talba tal-Avukat Ġenerali dwar il-liberta’ proviżorja. Madanakollu, il-Qorti osservat li fiċ-ċirkostanzi tal-każ, id-depożitu ta’ €1,000 impost mill-Qorti tal-Maġistrati ma kienx xieraq u ordnat li d-depożitu jiżdied għal €5,000.

Ismael Habesh għandu fedina penali li tinkludi każi ta’ serq u aggressjonijiet, kien arrestat ftit siegħat wara l-inċident f’Ħal Qormi meta l-pulizija kienet informata li l-akkużat kien qiegħed f’residenza f’Tarġa Gap fil-Mosta.

L-investigazzjonijiet sa issa jindikaw li tliet persuni li kienu f’karozza Mercedes, inżammu minn irġiel armati, deskritti bħala “barranin” u li kienu talbu €20,000 mingħand is-sewwieq tal-karozza.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għal Habesh filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher parte civile.