Tliet persuni tressqu quddiem il-Qorti illum waranofsinhar b’rabta mas-sejba ta’ iktar minn kilo droga eroina li nstabet f’remissa fil-Marsa ilbieraħ meta l-istess remissa kienet ħadet in-nar.
Jason Borg ta’ 39 sena minn Birkirkara, Nicholas Farrugia ta’ 25 sena minn Bormla u Shana Farrugia ta’ 22 sena minn Ħal Luqa wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Jason Borg, li jaħdem bħala kuċċier tal-karrozzin kien akkużat b’pussess aggravat tal-istess droga. Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Alfred Abela, għad-difiża qal li l-klijent tiegħu stqarr waqt l-inkjesta li sab l-affarijiet għandu imma ma kienx jaf x’inhuma. Hu fakkar li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u jekk jinżamm taħt arrest se jkun fl-istess post maż-żewġ imputati oħrajn fejn ikun hemm periklu għalih u iktar periklu għal intralċ tal-provi milli kieku jingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Veronique Dalli, ukoll għall-akkużat, saħqet li Borg hu akkużat b’pussess aggravat biss u mhux bi traffikar u lanqas b’konfoffa biex jittraffika droga. Fil-fatt fi ftit siegħat mill-arrest, l-akkużat ġie quddiem il-Qorti grazzi għall-koperazzjoni tiegħu. Barraminhekk, l-Avukat Dalli fakkret li l-akkużat għandu fedina penali nadifa.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €5,000. Hu kien ordnat ukoll li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara.
Iż-żewġ imputati l-oħra, Nicholas Farrugia u Shana Farrugia tressqu flimkien u minbarra li kienu akkużati b’pussess aggravat ta’ droga eroina, kienu akkużati wkoll b’assoċjazzjoni bi ħsieb li jittraffikaw id-droga. Nicholas Farrugia waħdu, kien akkużat ukoll b’moħqrija tal-annimali.
Waqt it-trattazzjoni għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Franco Debono, li qed jidher għal Shana Farrugia, qal li l-possibilita’ ta’ intralċ tal-provi hi remota għall-aħħar għaliex l-istqarrija tal-akkużat l-ieħor Jason Borg – li ngħatat taħt ġurament fl-inkjesta mal-ewwel quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja – hi biżżejjed bħala prova u din ma tistax tiġi irtirata mingħajr il-konsegwenza ta’ xhieda falza. Barraminhekk, kompla l-Avukat Debono, hemm dejjem il-preżunzjoni tal-innoċenza.
L-Avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għal Nicholas Farrugia, qal ukoll li jekk il-Qorti ma tilqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest, ix-xhud f’dan il-każ Jason Borg – li qed jiffaċċja akkużi separati – mhux se jixhed qabel ma’ jinqata’ il-każ kontrih. “Allura se nżommuhom arrestati għal minimu ta’ 3 jew 4 snin sakemm jinqata’ l-każ l-ieħor?”, staqsa l-Avukat Azzopardi.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest kemm għal Shana Farrugia kif ukoll għal Nicholas Farrugia fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed u jridu jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid u ta’ Bormla rispettivament. Barraminhekk, huma kienu ordnati wkoll li ma joħorġux mid-dar bejn it-8p.m u t-8a.m.
L-Ispettur Gabriel Micallef mill-iskwadra ta’ kontra d-drogi mexxa l-Prosekuzzjoni f’dawn il-każi.
//= $special ?>