Lokali

L-elezzjonijiet għall-ħatriet fil-PN għandhom isiru u jintemmu sa tmiem is-sena – Adrian Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia intervistat mill-ġurnalist Joe Mikallef
Dwar il-ħatra tiegħu ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia jiżvela wkoll li għaddejjin in-negozjati u kollox jindika resqin lejn soluzzjoni li mistennija timmaterjalizza b'sodisfazzjon għal kulħadd

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żvela mal-ġurnal In-Nazzjon li diġà qed jitkellem mal-partijiet kollha konċernati biex il-proċess ta’ elezzjonijiet u ħatriet fi ħdan l-istrutturi kollha tal-Partit Nazzjonalista jitħaffef u jkun konkluż sa tmiem din is-sena.

Oriġinarjament il-proċess maħsub hu mifrux fuq medda ta’ numru ta’ xhur – sal-ewwel tlett xhur tas-sena d-dieħla – iżda l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġà wera x-xewqa tiegħu li dan il-proċess ma jittawwalx iżżejjed, jitħaffef u jkun konkluż sa tmiem din is-sena.

Dan bl-iskop li l-Partit Nazzjonalista kemm jista’ jkun malajr ikollu l-istrutturi kollha tat-Tmexxija f’posthom biex hekk ikun jista’ jħares ‘il quddiem u jibda bis-saħħa l-mixja li jsir familja kbira ħafna.

Wieħed ma jridx jinsa li kulma jmur l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali se jsiru fl-2019 – jiġifieri inqas minn sentejn oħra. Għalhekk jagħmel sens ħafna li l-Parit Nazzjonalista jirbaħ kemm jista’ jkun żmien biex ikollu f’posthom l-istrutturi kollha ħalli darba tibda l-2018 ikun jista’ jibda jiffunzjona kif suppost bil-karigi kollha jkunu mimlija.

Mistoqsi dwar dak li hu għaddej b’rabta mal-ħatra tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni wkoll, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fisser li bħalissa qed isiru numru ta’ konsultazzjonijiet u laqgħat biex hekk din is-sitwazzjoni tkompli timmaterjalizza u tissolva b’sodisfazzjon għal kulħadd.