Lokali

In-Nazzjon 20.09.2017

L-aħbarijiet fl-ewwel paġna tal-ġurnal In-Nazzjon illum huma dominati minn żewġ aħbarijiet ewlenin li jittrattaw l-iżviluppi li qed iseħħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wara l-għażla ta’ Adrian Delia bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, u dwar l-aħħar żviluppi fl-Air Malta.

 

It-titlu ewlieni tal-ġurnal hu meħud mill-kummenti li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ta lil In-Nazzjon fejn iddikjara li l-elezzjonijiet għall-ħatriet fil-Partit biex tinħatar it-tmexxija l-ġdida għandhom isiru sa tmiem is-sena, waqt li jitkellem ukoll dwar in-negozjati li għaddejjin biex hu jinħatar ukoll Kap tal-Oppożizzjoni bl-indikazzjonijiet huma li t-taħditiet resqin lejn soluzzjoni li timmaterjalizza b’sodisfazzjon għal kulħadd.

 

Storja oħra ewlenija tittratta l-aħbar li l-Air Malta se tnaqqas kważi 460 ħaddiema.

 

F’aktar rapporti fil-ġurnal insibu l-attività politika li saret ilbieraħ filgħaxija Fuq il-Fosos tal-Furjana bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tal-Indipendenza, fejn il-Kap tal-PN wieġeb għall-mistoqsijiet tar-rappreżentanti tal-Kumitati u tal-fergħat tal-Partit.

 

Ritratt fl-aħħar paġna tal-ġurnal juri r-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2017, li tħabbret ilbieraħ tard fil-għaxija.