Internazzjonali

Tnaqqis drastiku fid-dħul tal-immigranti fl-Italja

In-numru ta’ immigranti li daħlu l-Italja bil-baħar f’Awwissu naqas bis-60 fil-mija meta mqabbla ma’ dawk li daħlu f’Lulju. B’kollox daħlu fl-Italja mal-4,500 persuna f’Awwissu.
Dan hu l-inqas ammont ta’ immigranti li daħlu fl-Italja f’xahar din is-sena.
Fl-ewwel tmien xhur tas-sena kien hemm 99,800 persuna li daħlu fl-Italja bil-baħar – tnaqqis ta’ 13 fil-mija meta mqabbla mas-sena li għaddiet. Żewġ terzi ta’ dawk li daħlu fl-Italja kienu min-Niġerja u l-Guinea skont il-Frontex.
Min-naħa l-oħra kienet reġistrata żieda fid-dħul ta’ immigranti fi Spanja. Fix-xahar ta’ Awwissu kien hemm 2,400 immigrant li daħlu Spanja.
Fl-ewwel tmien xhur tas-sena, Spanja rat il-wasla ta’ 13,600 immigrant – kważi t-tripplu tat-total għall-istess perjodu fl-2016.