Internazzjonali

Arrest ieħor marbut mat-terrur fir-Renju Unit

 

Il-Pulizija fin-Nofsinar ta’ Londra arrestat ġuvni ta’ 17 il-sena b’konnessjoni mal-attakk terroristiku ta’  ġimgħa ilu fuq ferrovija tat-Tube, f’Parsons Green, fil-kapitali.

Iż-żgħażugħ inżamm mill-pulizija li aġixxiet, f’Thornton Heath, skont mandat ta’ arrest speċifiku tal-Att tat-Terroriżmu. B’hekk telgħu għal sitta l-ammont tal-arresti li saru fl-investigazzjoni dwar it-terrur ta’ Parsons Green, bil-persuni arrestati qed jinżammu kollha f’għassa tal-pulizija fin-Nofsinar ta’ Londra.

Fl-attakk tal-ġimgħa l-oħra kienet seħħet splużjoni parzjali ta’ bomba fuq il-ferrovija li ħalliet madwar 30 midruba fil-ħin tar-rush hour.

L-aħħar rapporti mill-kapitali qalu li l-pulizija wettqu tfittxija intensiva fil-proprjetà ta’ Thornton Heath fejn sar is-sitt arrest fil-każ. Min-naħa tiegħu, il-Kmandant Dean Haydon, li jmexxi l-Counter Terrorism Command ta’ Scotland Yard, qal li l-investigazzjoni dwar l-attakk qabdet ritmu ġmielu ‘fost attività sinifikanti’. Hu kkonferma li kienet qed issir ukoll tfittxija f’ħames proprjetajiet li waqgħu taħt suspett.