Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iffirma direttiva ġdida li tixpruna s-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq b’konnessjoni mal-programm għall-armi nukleari tal-Istat komunista.
It-Teżor tal-Istati Uniti hu awtorizzat li jieħu l-miżuri fil-konfront ta’ kumpanniji u istituzzjonijiet finanzjarji li jagħmlu l-kummerċ mal-Korea ta’ Fuq. Il-President Amerikan qal ukoll li l-Bank Ċentrali taċ-Ċina, issa, ħareġ struzzjonijiet biex banek Ċiniżi oħrajn ma jkomplux jagħmlu n-negozju ma’ Pyongyang.
L-aħħar żviluppi — permezz ta’ direttiva eżekuttiva — seħħew anqas minn ġimgħatejn wara li n-Nazzjonijiet Uniti approvat is-sanzjonijiet ġodda għall-Korea komunista dwar l-aħħar provi nukleari minn Pyongyang. Dan ukoll wara li l-President Trump kien wissa, waqt diskors fin-NU, li għandu jeqred kompletament lill-Istat komunista f’każ li jkompli bit-theddid għall-Istati Uniti u l-alleati ta’ Washington.
Ftit tas-sigħat ilu, il-Ministru għall-Affarijiet tal-Korea ta’ Fuq, Ri Yong ho, fl-ewwel reazzjoni uffiċjali għad-diskors ta’ Trump, qabbel kliem il-President Amerikan ‘mal-inbiħ ta’ kelb’. Ri Yong ho, li hu l-ogħla uffiċjal diplomatiku tal-Korea komunista, ġibed il-paragun insolenti waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti barra l-kwartieri-ġenerali tan-NU, fi New York.
Fid-diskors ta’ nhar it-Tlieta lin-NU, il-President Trump kien irrefera għall-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, bħala ‘rocket-man’ u wissieh li ‘hu u r-reġim fi Pyongyang qegħdin jaqbdu t-triq lejn suwiċidju’.
//= $special ?>

