L-iskwadri tas-salvataġġ fil-Messiku għaddejjin bi ġlieda kontra l-ħin biex jilħqu lin-nies li spiċċaw taħt it-tifrik ta’ skola li ċediet waqt it-terremot qattiel tat-Tlieta. L-iskola primarja, fil-Belt tal-Messiku, hi fost l-għexieren ta’ bini li ċedew fit-theżżiża kbira ta’ jumejn ilu li rriżultat fil-mewt ta’ 230 persuna.
Magħruf li f’dik l-iskola mietu ‘il fuq minn 20 tfal u ħames adulti u għad hemm ħafna nies irrappurtati nieqsa. Intant, il-ħidma tas-salvataġġ kompliet fl-aħħar sigħat, bil-President tal-Messiku, Enrique Pena Nieto, jiddikjara tliet ijiem luttu għall-vittmi tat-terremot.
L-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili fil-Belt tal-Messiku, kmieni llum indikaw lin-nies ħajjin taħt munzelli ta’ konkrit fiz-zona. Sadanittant, numru kbir ta’ voluntiera, tobba u suldati taw sehem fl-isforzi ddisprati biex jinstabu n-nies li dehru li baqgħu ħajjin fost il-fdalijiet tal-iskola. Mistenni li l-ħidma fil-Belt tal-Messiku għandha tieħu fit-tul fost il-waqtiet kontinwi tax-xita fil-kapitali.
‘Il fuq minn 500 membru tal-Armata u n-Navy Messikana flimkien ma’ għexieren ta’ pulizija u volontiera qed isostnu l-ħidma ta’ emerġenza fis-sit tal-iskola, bl-awtoritajiet fil-Belt tal-Messiku jżommu t-tamiet ħajjin bl-aħbar li, fl-aħħar sigħat, kienu salvati aktar minn 50 persuna mis-siti tal-bini li ċedew fit-terremot.
//= $special ?>

