Il-21 ta’ Settembru 1964 jibqa’ mfakkar bħala marka vitali fl-istorja ta’ pajjiżna – Jum l-Indipendenza, meta l-gżejjer Maltin inħelsu mill-ħakma tal-barrani u għaddew taħt it-tmexxija tal-Gvern Malti.
53 sena ilu, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier rċieva d-dokument tal-Kostituzzjoni Maltija, bix-xena tiegħu ixejjer dan id-dokument tibqa’ ttimbrata fl-istorja ta’ pajjiżna.
F’nofsillejl, tinżel il-bandiera Ingliża u tittella’ l-bandiera Maltija fl-Arena tal-Indipendenza, f’mument simboliku li għadu jiġi ċċelebrat sa llum-il ġurnata.
53 sena wara, pajjiżna mill-ġdid iċċelebra dan il-jum storiku.
Iċ-ċerimonji nazzjonali bdew b’salut lill-awtoritajiet tal-pajjiż, bl-ogħla awtoritajiet Maltin, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca jkunu nieqsa.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza f’pajjiżna bdew bil-wasla tal-awtoritajiet, jiġifieri l-Aġent President Dolores Cristina u l-Aġent Prim Ministru Chris Fearne.
Fi tmiem is-salut lill-awtoritajiet, l-Aġent President Dolores Cristina spezzjonat l-armata qabel bdiet il-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Kon Katidral iddedikat lil San Ġwann.

Fl-omelija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna sostna dwar l-importanza li l-bniedem għandu jagħti sehem għall-ġid komuni skont kif jgħidu l-mexxejja la darba tkun “mħarsa l-ġustizzja u l-awtoritajiet qed jaġixxu fil-limiti tal-kompetenza tagħhom”. Qal li dawk li “għandhom l-awtorità fl-Istat iridu jħaddmu dik l-awtorità b’tali mod li, mhux biss wieħed ma jsib xejn ħażin moralment fiha, iżda li wkoll tiżgura u tippromwovi l-ġid tal-Istat”.
L-Arċisqof talab biex naħdmu sabiex jonqsu l-inġustizzji u ma jibqgħux jiġu mċaħħda d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Qal li x-xogħol huwa dmir tal-bniedem u b’hekk il-Gvern għandu jaċċerta li jonqos il-faqar f’Malta hekk kif hemm ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni fejn lanqas jistgħu jħallsu ta’ kull xahar il-kera għal dar deċenti fejn joqgħodu.

Aktar tard, l-awtoritajiet tal-pajjiż, inkluż il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, inġabru quddiem il-monument tal-Indipendenza, fil-Furjana, fejn sar it-tqegħid tal-fjuri bħala sinjal ta’ rispett.

Anke il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ppreżenta bukkett ta’ fjuri f’riġlejn il-monument tal-Indipendenza.



