Internazzjonali

L-Iraq: Offensiva biex jieħdu l-belt ta’ Hawija lill-ISIS

Is-suldati Iraqqin javviċinaw l-inħawi ta' Mosul

 

L-Armata tal-Iraq  bdiet offensiva biex tkeċċi lill-ISIS mill-belt ta’ Hawija, li hi waħda mill-aħħar żewġ zoni fil-pajjiż li għadhom taħt il-kontroll tat-terroristi.

Il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, qal li l-attakk fuq il-belt, lejn it-Tramuntana ta’ Bagdad, beda fis-sigħat bikrin, fost rapporti li l-koalizzjoni multinazzjonali, taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti, kienet qed tikkonċentra l-attakki mill-ajru fuq l-ISIS.

L-azzjoni bdiet jumejn biss wara li t-truppi tal-Iraq avvanzaw fuq il-fortizza l-oħra tal-ISIS fil-pajjiż li tinsab qalb id-deżert, viċin il-fruntiera mas-Sirja. Kelliema qalu li l-qawwiet kienu ħadu diġà il-villaġġ ta’ Rihana u, issa, qed jiċċirkondaw il-belt ta’ Ana, li hi parti minn dik iz-zona tax-Xmara Euphrates li hi miżmuma mill-ISIS.

Il-belt ta’ Hawija  ilha fortizza għal militanti Sunniti-Arab mindu, fl-2003, koalizzjoni militari mmexxija mill-Amerikani invadiet lill-Iraq, li, dak iż-żmien, kienet taħt ir-reġim tal-eksdittatur Saddam Hussein. L-inħawi ta’ Hawija kienu waqgħu f’idejn l-ISIS f’Ġunju tal-2014, meta l-grupp terrorista kien ħataf il-kontroll f’ħafna bnadi lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-Iraq waqt li ħabbar it-twaqqif ta’ ‘Kalifat’.

Skont il-Prim Ministru Abadi, l-assalt attwali fuq Hawija qed isir ‘skont l-impenn tal-Gvern biex jillibera it-territorji kollha (fl-Iraq) li spiċċaw taħt il-morsa tal-ISIS’.  Iżda waqt li Abadi qed jistenna rebħa militari oħra, in-Nazzjonijiet Uniti wissiet dwar il-periklu kbir li jeżisti għal madwar 85,000 ċivili fiz-zona ta’ Hawija u li ‘dawn x’aktarx  ikunu affettwati bil-kbir mill-ġlied sussegwenti bejn l-Armata u l-ISIS’.