Internazzjonali

L-Istati Uniti mħassba dwar il-ftehim nukleari mal-Iran

 

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, qal li l-Istati Uniti għad għandha ‘tħassib sinifikanti’ dwar il-ftehim nukleari storiku  mal-Iran. Tillerson qal dan wara l-ewwel taħditiet tiegħu mal-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, iżda hu ma indikax allarm waqt li ammetta li l-Iran kien qed jirrispetta l-ftehim partikulari.

L-Iran, fl-2015, kien iffirma għall-ftehim nukleari mal-potenzi tal-P5+1 li kienu l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġermanja. Intant, it-taħditiet ta’ nofs il-ġimgħa fin-Nazzjonijiet Uniti – li kienu jinvolvu lill-partijiet kollha li ħadu sehem fin-negozjati tal-2015 – ikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kmieni fil-ġimgħa, ikkritika l-ftehim mal-Iran waqt diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-NU  u, aktar tard, qal li ‘iddeċieda dwar dak li jrid isir (b’konnessjoni mal-ftehim) mingħajr ma żvela l-intenzjonijiet tiegħu.

Trump għandu sa nofs-Ottubru biex jikkonferma jekk l-Iran hux jimxi mal-ftehim u f’nuqqas ta’ dan, il-Kungress Amerikan jista’ jiddeċiedi biex jintroduċi mill-ġdid is-sanzjonijiet għal Teheran li kienu waqgħu mal-implimentazzjoni tal-patt tal-2015.