Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy għamel appell imqanqal fuq it-Televiżjoni Nazzjonali biex is-separatisti fir-reġjun ta’ Katalunja jwarrbu għall-pjani biex, fl-Ewwel ta’ Ottubru, isir referendum għall-indipendenza ta’ dak ir-reġjun.
Rajoy, fost oħrajn, talab lill-Gvern ta’ Katalunja biex ma jkomplix ‘iżid id-doża tar-radikaliżmu u diżubbidjenza ċivili’. Dan wara li l-awtoritajiet ta’ Spanja – li jridu akkost ta’ kollox iwaqqfu r-referendum li jqisuh bħala illegali – ħatfu kwantità ta’ materjal li jintuża għal waqt votazzjoni.
It-tfittxijiet tal-pulizija f’Barċellona, il-kapitali ta’ Katalunja, nhar l-Erbgħa wasslu għal protesta tal-massa kbira fil-qalba ta’ Barċellona fejn folla ta’ madwar 40,000 imblukkat l-aċċess għall-Ministeru Katalan għall-Ekonomija, sa tard bil-lejl.
Aktar kmieni fil-jum, il-pulizija nazzjonali kienet wettqet rejd fil-bini inkwistjoni kif ukoll f’uffiċini oħra tal-Gvern reġjonali.
Il-partiti tas-separatisti li jikkontrollaw il-Parlament Katalan, aktar kmieni dan ix-xahar, xprunaw il-liġi dwar ir-referendum, wara li d-domandi tagħhom għad-dritt ta’ vot ħieles għall-‘awto-determinazzjoni ta’ Katalunja’ damu s-snin jaqgħu fuq il-widnejn torox.
Intant, qed jinqalgħu l-inċidenti b’konnessjoni mal-kriżi, fosthom numru ta’ konfronti bejn il-pulizija u dimostranti Katalani. Dan meta llum, komplew il-protesti mill-Katalani li jridu r-referendum, quddiem il-qorti għolja ta’ Barċellona.
Meta tkellem mir-residenza uffiċjali tiegħu, il-Prim Ministru Rajoy qal li r-referendum hu ‘illużjoni’ u sostna li għad hemm iċ-ċans li l-Mexxejja Katalani josservaw il-liġi ‘u jevitaw gwaj akbar’.
Aktar qabel, il-President Katalan, Carles Puigdemont qal li l-Gvern ta’ Madrid, effettivament, għażel li jissospendi lill-awtorità awtonoma ta’ Katalunja ‘minbarra li jiftaħ għal sitwazzjoni fuq livell ta’ stat ta’ emerġenza’.
Intant rapporti li għadhom kemm daħlu qalu li l-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja imponiet multi ‘ta’ kuljum’ — ekwivalenti għal massimu ta’ 12,000 ewro — fir-rigward tal-ogħla uffiċjali Katalani li se jeħlu din is-somma għal kull ġurnata li huma jkomplu jorganizzaw ir-referendum. Dan meta ‘il fuq minn għaxar politiċi Katalani li kienu arrestati f’nofs il-ġimgħa għad iridu jidhru quddiem il-qorti f’Barċellona.
//= $special ?>

