Lokali Qorti

16-il xahar ħabs wara li ammetta li ħataf u seraq ġiżirana minn għonq mara fil-Fgura

Kevin Borg ta’ 35 sena residenti fil-Qawra, kien ikkundannat għal 16-il xahar ħabs wara li ammetta għal numru ta’ akkużi fosthom li ħebb għal mara u serqilha l-ġiżirana fil-Fgura iktar kmieni dan ix-xahar, u li pprova jiffalsifika dettalji fuq liċenzja u logbook ta’ karozza. Hu kien akkużat ukoll li kien reċidiv.

Ħuh Anthony ta’ 40 sena, wieġeb mhux ħati li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża u li kien qed iġġorr għodda relatata mas-serq.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, iż-żewġt aħwa kienu akkużati wkoll li żammew il-mara kontra l-volonta’ tagħha u li kellhom oġġetti misruqa fil-pussess tagħhom.

Waqt li kien fl-Awla, Kevin Borg dar fuq il-vittma u talab skuża għal għemilu. Mistoqsi mill-Qorti x’sar mill-giżirina, Borg wieġeb li  użaha biex iħallas self b’użura.

Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trattament u superviżjoni għal 3 snin fil-konfront ta’ Kevin Borg u ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma. Il-Każ kontra Anthony Borg ikompli ix-xahar id-dieħel

L-Ispetturi Carlos Cordina u Spiridione Zammit mexxew il-Prosekuzzjoni.