Lokali

69,920 persuna f’riskju ta’ faqar fl-2016 – Ċifri tal-NSO juru żieda fuq l-2015

AĠĠORNATA

“L-Istatistika tikkonferma: jekk qed jinħoloq il-ġid, dan mhux qed jasal għand kulħadd” – Il-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija l-kelliem tal-PN ghall-familja u l-politika socjali Clyde Puli u l-kelliem tal-PN ghall-Housing Socjali u l-glieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo qalu li l-faqar finanzjarju fl-aħħar sena żdied b’1,300. Fl-aħħar erba’ snin, il-faqar finanzjarju żdied bi 8,200.

Dan wassal biex żdiedet ukoll id-diżugwaljanza, imkejla skont il-kriterju internazzjonali tal-Gini coefficient. Id-diżugwaljanza b’dan il-kejl fl-aħħar sena żdiedet minn 28.1% għal 28.5%. Agħar minn hekk, id-diżugwaljanza żdiedet bil-qawwi fl-aħħar 4 snin, minn 27% għal kważi 29%.

Il-faqar finanzjarju hu kejl oġġettiv ta’ kemm nies għandhom dħul inqas mill-minimu aċċettabbli (ta’ 60% tad-dħul medju). F’dan il-kejl oġġettiv b’riga ċara, il-faqar finanzjarju żdied bil-qawwi fl-aħħar erba’ snin, bi 8,200 jaqgħu fil-faqar finanzjarju taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Il-PN kompla li d-daqqa l-aktar li qed iħossuha huma l-anzjani, li għandhom dħul anqas mill-minimu aċċettabbli fl-aħħar 12-il xahar żdiedu bi 3,100. U fl-aħħar 4 snin, l-anzjani fil-faqar finanzjarju żdiedu b’7,600.

Il-fatt li dan żdied anke din is-sena jgiddeb dak li jgħid il-Gvern fuq l-ekonomija. U jikkonferma dak li jgħid il-Partit Nazzjonalista: jekk qed jinħoloq il-ġid, dan mhux qed jasal għand kulħadd, anzi l-faqar finanzjarju kompla jiżdied.

Kollox ma’ kollox, il-Gvern illum ikkonferma li l-faqar finanzjarju u d-diżugwaljanza komplew jiżdiedu fl-aħħar sena kif għamlu tul dawn l-aħħar 4 snin, sostna l-PN.

 

Iktar kmieni

69,920 – kważi 70,000 persuna – dan huwa n-numru ta’ persuni li skont ċifri uffiċċjali kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar matul is-sena li għaddiet. Dawn jagħmlu 16.5% tal-popolazzjoni Maltija li qiegħda f’riskju ta’ faqar.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li din hi żieda ta’ 0.2 fil-mija fuq iċ-ċifri tal-2015.

Iċ-Cifri tal-NSO, li jagħmlu parti mill-Istatistika Ewropea dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għixien, juru li d-dħul medju tal-familji Malta hi ta’ €31,655 fis-sena, iżda l-medja tad-disposable income – il-flus fl-idejn meta wieħed jaqta’ t-taxxi, kontribuzzjonijiet soċjali jew manteniment – tinżel għal €21,543 fis-sena.

Din tfisser żieda ta’ €93 f’sena fuq is-sena ta’ qabel.

L-istatistika turi wkoll li l-persentaġġ ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar jitla’ minn 16.5% għal 23.8% jekk wieħed ineħħi l-benefiċċji soċjali u titla’ għal iktar minn terz tal-popolazzjoni – 37.9% — li kieku m’hemmx il-benefiċċji għall-anzjani. Li kieku m’hemmx il-benefiċċji soċjali, iċ-ċifra ta’ persuni li jkunu f’riskju ta’ faqar tispara għal kważi 161,000

Matul is-sena li għaddiet, kompa jikber ukoll id-distakk bejn dawk li jaqilgħu l-iktar u dawk li jaqilgħu inqas. Fil-fatt skont l’hekk imsejjaħ GINI co-efficient, l-indiċi li bih titkejjel diżugwaljanza. id-distakk bejn min għandu iktar u min għandu inqas, tela’ għal 28.4.