It-Turkish Stars huma fost l-attrazzjonijiet ġodda fil-Malta International Airshow ta’ din is-sena, li dettalji dwarha ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Park 4 tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-airshow tinqasam fi tnejn: il-wirja statika f’Park 4 tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u l-wirjiet fl-ajru, kif jispjega l-President tal-Malta Aviation Society Joe Ciliberti.
“Il-wirja ħa tibqa’ ssir Smart City għal din is-sena. Però jiena nħeġġeġ il-pubbliku kemm jista’ jkun biex jiġi jattendi hawnekk is-Sibt filgħodu bejn id-9.30am u s-2pm, u anke l-Ħadd, għax hawnekk se jkun hawn bejn wieħed u ieħor 60 ajruplan. Smart City ma tarax iktar minn 25 ajruplan Dan apparti li fil-wirja statika tkun tista’ tara ajruplani li se jinfetħu għall-pubbliku, waqt li titkellem mal-crew u l-pilota,” żied jgħid.

Id-deċiżjoni li l-wirjiet tal-ajru jsiru fuq il-baħar ma tteħditx mill-organizzaturi, u d-deċiżjoni qed twassal għal piż akbar għall-organizzaturi. Mhux biss piż akbar organizzattiv peress li t-tim tal-voluntiera jrid jinqasam fi tnejn, iżda piż ukoll finanzjarju, peress li ħafna qed jagħżlu li jaqbżu l-wirja statika, li għaliha hemm ħlas mad-dħul.
Dan ifisser li d-deċiżjoni dwar jekk l-airshow jibqax isir, jiddependi ħafna mill-għajnuna li jingħataw l-organizzaturi mill-awtoritajiet. “Aħna bħala Malta Aviation Society, dejjem lesti li nagħmlu l-airshow,” qal Joe Ciliberti. “Sakemm nibqgħu sinerġija, naħdmu flimkien, aħna dejjem lesti. Għandna passjoni u wara 25 sena naħseb li għandna t-tagħrif ukoll, u għaldaqstant, l-għan tagħna huwa li nkomplu,” żied jgħid.

Intant, fl-isfond tal-possibiltà li nhar il-Ħadd tagħmel ix-xita, Joe Ciliberti qalilna li l-element ta’ sigurtà għall-piloti huwa fattur ewlieni li jiddetermina jekk l-attivitajiet isirux jew le.
“Normalment san-nofssiegħa, is-siegħa ta’ waranofsinhar inkunu ħadna d-deċiżjoni. Il-ħsieb tagħna huwa li sas-1pm, bħal ma għamilna s-sena l-oħra, inkunu ħadna d-deċiżjoni biex inkun lħaqna nfurmajna lill-pubbliku fil-ħin,” qal Ciliberti.
B’ajruplani u timijiet minn 14-il pajjiż differenti, fosthom mill-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Istati Uniti, l-Arabja Sawdija u r-Renju Unit, ta’ din is-sena se tkun il-25 edizzjoni tal-airshow.


