Fi tmiem din il-ġimgħa mistennija festa folkloristika fiż-Żejtun, meta jkun tkun iċċelebrata l-attività tradizzjonali ‘Żejt iż-Żejtun’.
Żejt iż-Żejtun ilu jsir ħdax-il sena, u llum ifisser ħafna għaż-Żwieten, għal raġuni partikolari – kif tispjega Joan Agius, mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun u waħda mill-organizzaturi.
“Din hija dwar il-kultura tagħna bħala Żwieten. Għaliex? Għax iż-Żejtun ifisser żebbuġa. Allura aħna, bħala Kunsill, konna żrajna diversi siġar madwar iż-Żejtun u fl-outskirts tagħha, immaturaw biż-żmien u bdejna nieħdu l-frott tagħhom,” qaltilna Joan Agius.
U filfatt, il-qofol ta’ Żejt iż-Żejtun huwa t-tberik taż-żebbuġ, it-tagħsir u t-tqassim tiegħu lin-nies. Dan kollu jsir matul il-ġurnata tas-Sibt.
“Ladarba jsir it-tberik taż-żebbuġ, it-tfal jerġgħu jiġu biż-żebbuġ fil-pjazza fejn għandna l-magna tat-tagħsir, jibda jintgħasar dak il-ħin u imbagħad il-pubbliku u kull min ikun hawnekk, jista’ jduq iż-żebbuġ,” żiedet tgħid.
Imma Żejt iż-Żejtun mhijiex sempliċiment festa tat-tagħsir taż-żebbuġ. Agius tispjega li biex tingħata l-ħajja, l-organizzaturi għażlu li jħejju programm folkloristiku bis-sehem ta’ diversi għannejja, kantanti, żeffiena u elementi oħra folkloristiċi.
Filfatt, bejn is-Sibt u l-Ħadd hemm programm sħiħ ta’ attivitajiet preparati. Fost dawn wirjiet b’suldati u żfin, tieġ Malti, għana spirtu pront, passaġġ sigriet bl-iskeletri, logħob tradizzjonali Malti u attivitajiet oħra, bis-sehem taż-żewġ baned taż-Żejtun.
//= $special ?>