Fil-Marsa Sports Grounds ingħata bidu għall-maratona ta’ 60 siegħa b’risq Puttinu Cares. Il-maratona, li qed issir daż-żmien peress li kellha tkun posposta minħabba l-elezzjoni, tibqa’ għaddejja sal-Ħadd li ġej.
Puttinu Cares diġa’ għandha appartamenti f’Sutton, l-Ingilterra. Iżda t-tir hu li jinġabru biżżejjed flus biex tkun tista’ tinbena blokka appartamenti f’Londra għal madwar 90 Malti li jitilgħu kull xahar għall-kura f’Londra.
Il-‘kick-off’ ingħata minn Yandrick Cassar, żagħżugħ ta’ 18-il sena li meta kellu ħmistax-il sena qalulu li kellu kanċer wara mnieħru. Illum, l-istorja ta’ Yandrick hija waħda ta’ suċċess, għax fieq għal kollox mill-marda li kellu.
“Ma nistax ma ngħinx lil Puttinu Cares, għax Puttinu Cares kien hemm fl-agħar mumenti ta’ ħajti,” qal Yandrick lil NET News. “Puttinu dejjem għeni, dejjem imbuttani u dejjem għollieli l-moral biex dejjem nibqa’ niġġieled il-marda tal-kanċer,” żied jgħid.
Għall-kummenti tiegħu, Yandrick kien akkumpanjat minn Kayleigh Caruana, żagħżugħha ta’ 19-il sena, li meta kellha tlettax-il sena, ukoll qalulha li kellha kanċer. Illum, Kayleigh fieqet ukoll u rrakkuntatilna l-mod kif nibtet l-imħabba ta’ bejnha u bejn Yandrick.
“Konna nafu lil xulxin għax konna grupp ta’ żgħażagħ li għaddejna mill-istess marda. Konna ħbieb normali, imma imbagħad kellna attivita’ ta’ Puttinu u (Yandrick) staqsieni biex noħroġ miegħu,” qaltilna bi tbissima fuq wiċċa.
Issa, Yandrick u Kayleigh ilhom sentejn flimkien, u fil-kummenti tagħhom spjegaw kif Puttinu Cares saret qisa t-tieni familja tagħhom, waqt li jħarsu ‘l quddiem biex jgħixu l-ħajja pass, pass u ġurnata b’ġurnata.
Kull sena, Puttinu Cares tiffaċċja eluf kbar ta’ ewro fi spejjeż sempliċiment biex tkun tista’ tgħin lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna fit-trattament tal-mard tiegħu barra minn xtutna. Madwar €200,000 fis-sena jintefqu f’manutenzjoni u spejjeż biex jinżammu l-appartamenti f’Sutton, filwaqt li madwar €700,000 fis-sena jintefqu f’għajnuniet għal dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna f’xi post ieħor li mhuwiex Sutton.
Għall-ftuħ tal-maratona attendiet l-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina. Waqt il-maratona kollha, il-pubbliku jista’ jmur il-maratona u jgawdi mill-ispettaklu u l-atmosfera.
