Il-politika u l-proposti li jaffettwaw lill-Għawdxin mhux se jsiru mid-Dar Ċentrali, iżda se jsiru bi djalogu kostanti u regolari mal-Għawdxin. Irridu li l-Għawdxin stess jiddeterminaw huma xi jridu u x’għandhom bżonn. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrifletti l-pjanijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi għal Għawdex flimkien mal-familji Għawdxin.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza t-tesserati Għawdxin fis-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat. Adrian Delia tkellem, fost l-oħrajn, dwar il-prijorità tad-distanza bejn Malta u Għawdex. “Mhux se nibqgħu reattivi għall-Gvern iżda se nkunu propożittivi, u diġà hemm ħafna ideat li bdew jiġu diskussi,” qal Adrian Delia. Hu spjega li filwaqt li għall-Maltin, il-problema tat-trasport tfisser traffiku u trasport pubbliku, għall-Għawdxin, din tfisser li l-isfida ta’ ħin twil b’mod sproporzjonat għal distanza qasira tingħeleb.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-attivisti Għawdxin issa jridu jħarsu ‘l quddiem għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali anqas minn sentejn oħra, kif ukoll għall-elezzjoni ġenerali erba’ snin u nofs oħra. Hu indirizza b’mod partikolari l-vittmi u l-qraba ta’ vittmi ta’ transfers vendikattivi. “Il-Partit Nazzjonalista irid jifhem it-tbatijiet u l-inġustizzji li jsofru n-nies. Irridkom tkunu parteċipi f’dan il-proċess biex il-politika nagħmluha b’mod aħjar,” sostna Adrian Delia.
Hu temm jgħid li diġà ntrabat li darba fix-xahar jiltaqa’ mal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex, filwaqt li ħeġġeġ lill-attivisti tal-Partit biex joffru l-ideat u l-proposti tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>