Lokali

Il-President tal-EPP jifraħ lil Adrian Delia u jirringrazzja lil Simon Busuttil

Il-President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul feraħ lil Adrian Delia għall-elezzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u rringrazzja lil Simon Busuttil għall-ħidma tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar erba’ snin.

Fl-ittra tiegħu ndirizzata lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Joseph Daul faħħar il-fatt li għall-ewwel darba, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista nħatar b’elezzjoni li fiha pparteċipaw il-membri tal-Partit. Hu qal li jinsab ħerqan biex jiltaqa’ mal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista fis-Summit li jmiss fis-19 ta’ Ottubru li ġej.

Fl-ittra tiegħu ndirizzata lil Simon Busuttil, Joseph Daul irringrazzjah għall-koperazzjoni tiegħu mal-Partit Popolari Ewropew. Il-President tal-PPE rrikonoxxa wkoll il-ġlieda ta’ Simon Busuttil favur l-integrità fil-politika u kontra l-korruzzjoni. Hu feraħ lil Simon Busuttil ukoll għal-ħatra tiegħu bħala membru fuq Kumitat ta’ Esperti Ewropej li jagħżlu lill-ġudikanti fuq il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.