Bejn illum u nhar il-Ħadd tintlagħab il-ħames ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier u l-liders Gżira Utd se jkunu qed ifittxu li jiksbu l-ħames rebħa konsekuttiva meta nhar il-Ħadd jilagħbu f’Ta’ Qali kontra St Andrews.
Fuq il-karta Gżira m’għandhomx ifallu milli jieħdu r-rebħa kontra tim li qiegħed fil-11-il post tal-klassifika bi tliet punti. Nhar is-Sibt li għadda, il-logħba tant mistennija bejn Gżira u Hibernians kienet mimlija kontroversji u ntemmet fi skor ta’ 3-2 favur il-Maroons.
Din il-logħba kkonfermat il-mument maġiku li għaddejjin minnu bħalissa.
Penalty skurjat, penalty fallut u żewġ tkeċċijiet fost l-oħrajn. Din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva għal Gżira filwaqt li għal Hibernians waslet l-ewwel telfa.
Ta’ min jinnota li l-Maroons kienu aktar aggressivi fl-ewwel parti tal-logħba u min naħa l-oħra kreditu lil Hibernians li minkejja b’inferjorita xorta baqgħu jissieltu u kien biss fil-ħin mogħti żejjed li tilfu l-partita. Kellu jkun l-eksplejer Andrew Cohen li bi ġmiel ta’ xutt għeleb lill-gowlkiper avversarju. Għal Gżira kompla jsib ix-xibka Amadou Samb li skurja darbtejn biex jinsab ixxamplat fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers b’total ta’ sitt gowls.
F’logħba li kienet fiżikalment missielta, Hibernians lagħbu b’10 plejers għal iktar minn siegħa loghob iżda xorta waħda baqgħu fil-partita sakemm sfaw jilagħbu b’disgħa għall-aħħar nofs siegħa.
Riżultat ta’ dak li seħħ f’din il-partita issa l-eqreb rivali ta’ Gżira huma Valletta li għandhom żewġ punti inqas minnhom. Dawn ikunu fl-azzjoni wkoll nhar il-Ħadd hekk kif jilagħbu kontra Balzan.
Il-Beltin se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 kontra Sliema.
Valletta għelbu lil Sliema b’gowl ta’ Nikola Asceric u b’hekk taw rigal xieraq lill-President tagħhom Victor Sciriha l-għada ta’ għeluq is-67 sena tiegħu. Filwaqt li taw l-ewwel telfa lis-Slimiżi, issa Valletta baqgħu l-uniku tim li wara erba’ logħbiet, il-lasta tiegħu, taħt il-protezzjoni tal-gowlkiper Henry Bonello, għadha ma qalgħetx gowl.
Logħba li ftit li xejn kienet movimentata bl-azzjonijiet ikunu rari. Sliema kienu tajbin fl-ewwel taqsima iżda fit-tieni 45 minuta bilkemm dehru. Is-saħħa tal-Beltin tidher li qiegħda fl-attakk filwaqt li għall-Wanderers din kienet it-tieni logħba li naqsu li jsibu x-xibka avversarja. Inċidentalment iż-żewġ protagonisti kienu ġejjin minn riżultati identiċi ta’ draw ta’ mingħajr gowls.
Hibs, wara t-telfa kontra Gżira jkunu fl-azzjoni llejla meta jilagħbu fis-Centenary Stadium kontra Mosta. Dawn tal-aħħar se jkunu ġejjin mit-tieni rebħa konsekuttiva.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet rebħu kontra Tarxien.
Kuntrarju għas-sena li għaddiet jidher li Mosta għamlu xogħol tajjeb matul is-sajf fejn il-barranin tagħhom li kienu tmienja fin-numru fil-formazzjoni inizjali, qed jikkombinaw tajjeb.
Għada s-Sibt jintlagħbu erba’ konfronti. Fl-ewwel wieħed Lija jilagħbu kontra Sliema.
Fl-aħħar ħarġa tagħhom Lija kisbu l-ewwel punt tagħhom tal-istaġun dan wara li huma żammew lil Naxxar Lions fi draw ta’ 1-1. L-ewwel taqsima kienet kwieta fejn iċ-ċansijiet fuq il-lasti opposti kienu rimoti fejn f’wieħed mill-ftit attakki Lija fetħu l-iskor. Iżda t-tieni taqsima kienet prattikament kollha marka Naxxar fejn wara li ġabu d-draw naqsu li jsibu dak il-gowl li joqtol lill-avversarji.
Biex fl-aħħar minuti tal-logħba huma sfaw b’10 plejers biex ħadu punt minn din il-logħba li żgur kienu proġettaw li jieħdu aktar. Għal Lija ftit tan-nifs biex inqalgħu minn qiegħ il-klassifika u jibdew jaspiraw li b’wirjiet aħjar jiksbu wkoll l-ewwel rebħa staġjonali.
Minn naħa tagħhom Sliema se jippruvaw iwettqu reazzjoni wara t-telfa kontra Valletta.
Għada Birkirkara jilagħbu kontra Naxxar. Fi tmiem il-ġimgħa il-Karkariżi tilfu kontra Senglea fit-tieni logħba tagħhom taħt it-tmexxija tal-kowċ Paul Zammit.
Minkejja li kellhom aktar mill-pussess, Birkirkara tilfu kontra t-tim promoss.
It-tim mill-Isla qed ikun wieħed mis-sorpriżi pożittivi tal-istaġun fejn din kienet it-tieni rebħa fejn issa jinsabu fis-sitt post. L-Istripes ippruvaw jinfdu lid-difiża avversarja imma kienu neqsin mill-ideat.
Jidher li Paul Zammit għandu quddiemu triq twila u iebsa l-aktar wara li hu ħa t-tmexxija wara li għaddew żewġ logħbiet mill-istaġun u b’hekk ma’ kienx parti mis-suq tat-trasferimenti u l-preseason.
Wara r-rebħa kontra Birkirkara, għada Senglea jmisshom jilagħbu kontra Tarxien filwaqt li fil-logħba l-oħra Ħamrun jilagħbu kontra Floriana.
Il-kowċ ta’ Senglea Steve D’Amato ikkombina tim li hemm is-sena tal-għaqda, tim li jemmen ħafna li jista’ jasal, tim li dejjem irid aktar u jibqa’ jissielet mhux biex jieħu xi ħaġa minn partita imma biex jieħu l-punti massimi. Tarxien se jkunu ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Mosta.
Għal Tarxien kienet ir-raba’ telfa minn daqstant logħbiet fejn issa huma l-uniku tim mingħajr ebda punt.
Tim li jidher nieqes mill-motivazzjoni filwaqt li l-iskwadra hija waħda qasira fejn nemmen li jekk ma’ jieħdux azzjoni immedjata ser jiffaċċjaw problemi kbar dan l-istaġun li wara kollox diġa’ kien evidenti s-sena li għaddiet.
Ħamrun se jkunu ġejjin minn draw ta’ 0-0 kontra Balzan filwaqt li Floriana se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 4-0 kontra St Andrews. Wara li ħadu vantaġġ kmieni fil-partita Floriana skurjaw tliet gowls tard fil-partita biex issiġillaw rebħa oħra komda u komplew telgħin aktar il-fuq fil-klassifika.
Floriana s’issa għandhom l-aqwa attakk flimkien ma’ Gżira u t-tieni l-aqwa difiża.
Il-Programm
Il-Ġimgħa
Centenary Std
7.00pm Hibernians v Mosta
Is-Sibt
Ta’ Qali
6.00pm Lija A v Sliema W.
8.00pm Birkirkara v Naxxar L.
Victor Tedesco Stadium
6.00pm Tarxien R v Senglea A.
8.15pm Ħamrun S v Floriana
Il-Ħadd
Ta’ Qali
6.00pm St. Andrew’s v Gżira Utd.
8.00pm Balzan v Valletta