Lokali Qorti

Lejla intima, serqa u rapport falz ta’ stupru: il-Pulizija tressaq mara ta’ 22 sena

Mara ta’ 22 sena tressqet il-Qorti akkużata li allegatament għamlet rapport falz li kienet stuprata minn raġel. Dan wara li kienet serqitu €1,500 fi flus kontanti.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil, qalet li l-mara qattgħet lejla mal-vittma, marret miegħu id-dar u kienu intimi b’mod kunsenswali. Wara li serqitlu l-flus, il-mara għamlet rapport mal-Pulizija fejn sostniet li r-raġel kien stupraha.

Il-mara ġiet mixlija li għamlet rapport falz, għamlet ġurament falz, simulazzjoni ta’ reat u serq aggravat. L-Avukat Difensur Noel Cutajar talab sabiex il-Qorti tordna divjet biex ma jixxandarx isem l-akkużata. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li dan normalment isir fejn ikunu involuti tfal. F’dan il-każ, il-parti l-oħra hi adulta u m’għandha ebda konnessjoni mal-akkużata, ħlief għal dik il-lejla, li biha jista’ jiġi identifikat.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, laqgħet it-talba għad-divjet fuq l-isem tal-akkużata għaliex hi omm ta’ tarbija ta’ 18-il xahar.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat ukoll għat-talba għal ħelsien mill-arrest għaliex hemm diversi xhieda u membri tal-familja li għad iridu jixhdu. Barraminhekk, l-ewwel stqarrijiet tal-akkużata taħt ġurament huma kontradittorji, li jfisser li hemm mill-inqas każ wieħed ta’ ġurament falz.

Madanakollu, l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Hi kienet ordnata wkoll li tiffirma f’Għassa tal-Pulizija u li ma tavviċinax ix-xhieda u ma toħroġx mid-dar filgħaxija.