Żewġ persuni ġew arrestati mill-Pulizija wara li nqabdu jisirqu fuq bus stop. Il-każ seħħ il-Ġimgħa fl-10:00 ta’ filgħodu meta żewġ persuni qajmu suspett lill-Pulizija, wara li dehru jindiesu ma’ għadd ta’ turisti u Maltin fuq il-bus stop fi Triq it-Torri, tas-Sliema. Wieħed minn dawn il-persuni deher bħala spotter, filwaqt li l-ieħor deher jisraq kartiera minn but ta’ turist li kien tiela` fuq tal-linja. Il-Pulizija ntervjeniet minnufiħ u arrestat liż-żewġ persuni.
Wieħed mill-irġiel, Rumen 35 sena, huwa reċediv fuq l-istess reat ta’ pick-pocketing fil-Ġermanja, l-Olanda u fl-Iżvizzera u għandu mandat t’arrest fuq reati simili. Ir-Rumen l-ieħor, ta’ 41 sena, ukoll hu magħruf mal-Pulizija Ċeka fuq akkużi ta’ dokumenti foloz. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti għada.
Dan kollu wara rapporti ta’ pick-pocketing f’diversi postijiet madwar tas-Sliema u San Ġiljan, partikolarment minn fuq it-trasport pubbliku u minn bus stops iffrekwentati minn għadd ta’ turisti u Maltin.
Dan kien it-tieni każ t’arrest fi ftit jiem, wara li nhar it-Tlieta 19 ta’ Settembru, ġew arrestati żewġ persuni tal-istess nazzjonalita, li qajmu suspett lill-Pulizija u fuq wieħed minnhom instab telefon ċellulari li irriżulta li ġie irrapurtat misruq. L-arrestat, Rumen ta’ 47 sena kien mressaq il-Qorti, aktar kmieni din il-ġimgħa fejn ġie akkużat b’serq u li kien reċediv b’sentenzi ta’ Qrati barranin fosthom; ta’ Franza, l-Olanda u r-Rumanija fuq l-istess reat ta’ pick-pocketing. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ntbagħat 7 xhur priġunerija.
Sadanittant il-Pulizija qed tissokta b’aktar investigazzjonijiet u rondi f’postijiet frekwentati minn bosta sabiex iżżomm għajn viġili għal aktar reati ta’ din ix-xorta.
//= $special ?>