ĦAMRUN S…………..0
FLORIANA……………1
Ħamrun: S. Sultana, K. Micallef, D. Zerafa, L. Micallef, T. Caruana, D. Camilleri, G. De Castro, T. Espindola, T. Agius (A. Machado 70’), M. Marinho, S. Arab (L. Sciberras 90’)
Floriana: I. Akpan, J. Baldacchino, E. Pepe, E. Ruiz, C. Borg (D. Grima 77’), I. Varela, M. Vella, J. Cabral (L. Grech 70’), A. Cini, M. Fontanella, E. Marcelina
Imwissija: C. Borg, D. Camilleri, E. Marcelina, I. Varela, L. Micallef
Skorja: M. Fontanella 81’ (F)
Referee: Clayton Pisani
Assistenti Referees: Edward Spiteri, Mitchell Scerri
Assistenti Referees Addizzjonali: Fyodor Zammit, Philip Farrugia
Il-Mument Plejer tal-logħba: Juninho Cabral (Floriana)
Attendenza: 842
Il-mument pożittiv ta’ Floriana kompla wara li rnexxielhom jegħlbu l-isfida ta’ Ħamrun Spartans b’gowl fl-aħħar fażi tal-logħba, biex b’hekk għadhom mhux megħluba wara ħames logħbiet u jinsabu momentarjament fit-tieni post punt taħt il-leaders Gżira United.
Minkejja t-telfa, Ħamrun offrew oppożizzjoni tajba minkejja li għal ħafna ħin kellhom jassorbu l-pressjoni tal-avversarji. Iżda r-riżultat finali jagħti premju lit-tim Furjaniż li kollox ma’ kollox kien jimmeritah ir-rebħa.
Il-kowċ Taljan Giovanni Tedesco għamel tliet bidliet mir-rebħa kontra St. Andrews. James Baldacchino beda fid-difiża, b’Emerson Marcelina u Juninho Cabral jieħdu posthom ukoll mal-ewwel ħdax, flok Chiesa, Oyama u Steve Pisani li beda jservi s-sospensjoni ta’ tliet logħbiet.
Il-kowċ Ħamruniż Jacques Scerri kellu jgħaddi mingħajr diversi barranin fosthom l-attakkant Pedro Gois li jinsab imweġġa’, kif ukoll Marino Clavero, b’Scerri jsejjaħ biss tliet barranin fl-iskwadra.
Floriana kellhom azzjoni perikoluża wara disa’ minuti meta minn korner ta’ Fontanella, id-daqqa ta’ ras ta’ Ignacio Varela kienet salvata minn Steve Sultana. Minkejja li Floriana kienu akta avventurużi fl-attakk, l-isforzi tagħhom ftit ħallew frott, bl-aħjar ċans li jkollhom ikun qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’ċans għal Juninho Cabral, iżda Sultana ħareġ tajjeb u blokka t-tentattiv.
It-tim ta’ Tedesco beda tajjeb it-tieni taqsima, u kien Mario Fontanella li resaq qrib b’xutt li Sultana wieġeb tajjeb għalih, b’Marinho jbiegħed f’korner.
Ħamrun tjiebu fit-tieni taqsima u ftit wara s-siegħa logħob kellhom azzjoni tajba. Kien kross ta’ Dale Camilleri mil-lemin fil-kaxxa Furjaniża, bl-ewwel xutt ta’ Lydon Micallef ikun blokkat parzjalment filwaqt li l-gowlkiper Akpan salva x-xutt ta’ Marinho mir-rebawnd.
Minkejja din l-okkażjoni, Floriana baqgħu aħjar u rnexxielhom jiskorjaw il-gowl li tahom ir-rebħa disa’ minuti mit-tmiem. Leighton Grech krossja mil-lemin, Sultana salva parzjalment id-daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ Marcelina, iżda bħas-soltu kien Mario Fontanella l-aktar wieħed ħafif quddiem il-lasta li skorja l-gowl rebbieħ.
//= $special ?>