Għadd ta’ studenti Għawdxin ilmentaw minħabba li qed jaffaċċjaw kirjiet għoljin b’detriment fuq l-istudenti li qed issibuha diffiċli biex jibdew it-terminu universitarju ta’ din is-sena. Fi stqarrija l-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qal dan filwaqt li saħaq li l-Għawdxin qed isibu problemi finanzjarji kbar ma’ wiċċhom. F’kumment li tat lil din il-kamra tal-aħbarjiet, il-President tal-GUG Maria Dimech qaltilna li din il-problema ilha tiġi mqajjma speċjalment fi snin riċenti, madanakollu azzjoni ftit li xejn ittieħdet. (segwi l-kumment hawn fuq)
Fi stqarrija il-GUG qalet li l-istudenti Għawdxin jirċievu €500 kull tliet xhur biex ikopru għall-ispejjeż tal-kera, iżda l-grupp argumenta li dan mhuwiex biżżejjed.
Dan għaliex qal li bejn wieħed u ieħor, student Għawdxi jħallas €150 fix-xahar kera, u dan minbarra spejjeż oħra bħall-internet, id-dawl u l-ilma. Dan ifisser li dawn l-istudenti jibqgħu dipendenti fuq il-ġenituri tagħhom, u jkunu finalment toqol finanzjarju mhux żgħir.
Waħda mir-raġunijiet oħra ta’ dan huwa li l-barranin li qed jaħdmu jew anke studenti barranin li jiġu f’pajjiżna qed jikru dawn l-appartamenti viċin l-Università għax fejn postjiet oħra il-kirja hija irħas.
Il-GUG semma li l-awtoritajiet ma jridux jgħollu l-benefiċċju, għax skonthom jekk isir hekk is-sidien jgħollu l-kera, iżda l-grupp argumenta li l-kera xorta qed togħla, iżda eżempju jista’ anke jaħseb biex jibda’ jiżvilppa ‘hostel’ għall-Għawdxin ukoll u mhux biss għall-barranin.
Il-GUG temm isaqsi għaliex l-Għawdxin qed ikollhom iħallsu ferm aktar għall-edukazzjoni, meta suppost nemmnu b’edukazzjoni b’xejn għal kulħadd.
//= $special ?>