Internazzjonali

L-Iran jisfida lil Donald Trump u jispara missila ballistika

It-Tmexxija tal-Iran qalet li rnexxitilha prova ta’ missila ġdida għal fuq id-distanzi medji, b’din il-prova ssir bi sfida diretta lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Il-missila tat-tip Koramxar twassal għal elfejn kilometru u l-prova tagħha ntweriet fuq it-Televiżjoni Iranjana. Madankollu iż-żmien eżatt meta saret din il-prova għad irid ikun stabbilit.

Meta l-President Trump, nhar it-Tlieta, indirizza lin-Nazzjonijiet Uniti fi New York hu ikkritika l-programm missilistiku tal-Iran flimkien mal-ftehim nukleari tal-2015 li ntlaħaq bejn il-Gvern ta’ Tehran u l-potenzi tad-dinja.

Sadanittant, il-President Iranjan, Hassan Rouhani, qal li l-Iran għandu jżid il-kapaċità militari tiegħu bħala deterrent, bl-ewwel dehra tal-missila Koramxar ssir waqt parata militari li saret ilbieraħ fil-kapitali Iranjana. Il-missila inkwistjoni għandha wkoll il-kapaċità biex iġġorr aktar minn warhead wieħed.

F’Lulju li għadda, l-Istati Uniti kienet ħabbret sanzjonijiet ġodda għall-Iran b’konnessjoni mal-programm tal-missili ballistiċi ta’ Tehran. Dan waqt li l-Amerikani kundannaw l-allegat appoġġ tal-Iranjani għall-organizzazzjonijiet terroristiċi.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump, ix-xahar id-dieħel għandu jinforma lill-Kungress ta’ Washington jekk jemminx li l-Iran, s’issa, ikkooperax mal-ftehim nukleari storiku u jekk hu jaħsibx li l-Istati Uniti għandhiex tibqa’ marbuta b’dak il-ftehim.