L-MUT irreaġixxiet għal rapurtaġġ fejn qiegħed jingħad li din is-sena ser ikun hemm żieda ta’ 600 għalliem hekk kif ċaħdet u qalet li din iċ-ċifra tmur lil hinn ferm minn kull informazzjoni attwali ta’ ingaġġ ta’ għalliema.
Il-Union tal-Għalliema qalet li ċ-ċifra, ta’ 600 għalliem ġdid, tikkontrasta ferm man-numru ta’ għalliema ġodda li għadhom kemm attendew laqgħat ta’ ‘induction’ organizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn in-numru kien ta’ madwar 200.
In-numru ta’ għalliema li ser jiggradwaw mill-Università din is-sena fil-fatt huwa ftit ‘il fuq minn mija u m’hemmx dubju li mhux kollha minn dawn għażlu li jidħlu f’din il-professjoni li kullma jmur m’għadhiex tattira żgħażagħ, sostniet l-MUT
Il-Union tal-Għalliema tenniet li kieku kien hemm żieda ta’ 600 għalliem ġdid, ma kienx ikollna sitwazzjoni fejn għalliema li ħadu promozzjoni qed jiġu mġiegħla jkomplu jgħallmu għax id-Direttorati m’għandhomx lil min jgħallem minn flokhom; Ma kienx ikollna sitwazzjoni fejn gruppi ta’ studenti li qed isegwu sillabi differenti fis-Sekondarja jiġu magħquda fi klassi waħda b’detriment għat-tagħlim tagħhom; Ma kienx ikollna sitwazzjoni fejn klassijiet fil-Primarja ingħaqdu minħabba nuqqas ta’ għalliema; Ma kienx ikollna sitwazzjoni fejn għalliema jkollhom ‘load’ massimu li ma jħallix spazju sabiex jagħtu kontribut ieħor fil-formazzjoni edukattiva tal-istudenti; Ma kienx ikollna sitwazzjoni fejn għalliema rtirati jintalbu sabiex jidħlu lura fl-impjieg minħabba n-nuqqas ta’ għalliema; Ma kienx ikollna sitwazzjoni fejn għalliema li kienu ser ikuni fis-servizzi jerggħu jiġu mgħajta sabiex imorru fil-klassi; Ma kienx ikollna għalliema li qed jiġu mġiegħla jgħallmu numru ta’ suġġetti f’aktar minn skola waħda; u l-anqas l-Union ma kien ikollha il-baraxx ta’ każijiet ta’ għalliema li qed isofru minn xi waħda jew aktar minn dawn is-sitwazzjonijiet u li ġew għand l-MUT f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Fuq kollox il-Union innotat li għad fadal nuqqas sostanzjali ta’ għalliema f’diversi skejjel u ċentri, u li dan jinkludi numru ta’ suġġetti. Barra minn hekk, hemm ukoll nuqqas sostanzjali ta’ LSAs inkluż fiċ-Ċentri tar-Riżorsi.
Għaldaqstant l-MUT tappella għal informazzjoni korretta li tirrispetta l-intelliġenza tal-edukaturi nfushom u l-ħidma bla heda tagħhom sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet serji sakemm jitjiebu l-kundizzjonijiet b’tali mod li bħala pajjiż naslu li jkollna numru biżżejjed ta’ persuni kwalifikati li lesti jaħdmu fil-qasam edukattiv.
//= $special ?>