Futbol Sport

Manchester City, Manchester United, Chelsea u Tottenham jirbħu kollha

Leroy Sane weġġa' fil-logħba kontra Cardiff il-Ħadd li għadda

Manchester City jinsabu fil-quċċata tal-Premier League Ingliż b’differenza ta’ gowls aħjar, wara li fl-Etihad Stadium għelbu lil Crystal Palace 5-0. Leroy Sane fetaħ l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, biex l-istess plejer serva lil Raheem Sterling li għamilhom 2-0 fil-51 minuta. Sterling kompla jkabbar l-iskor mas-siegħa logħba b’gowl mill-viċin u Sergio Aguero għamilhom 4-0 b’daqqa ta’ ras wara kross mix-xellug. Fabian Delph issiġilla r-rebħa fid-89 minuta b’xutt fir-rokna tax-xibka.

Rebħa sofferta iżda importanti għal Manchester United li għelbu lil Southampton fis-St. Mary’s Stadium 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fl-20 minuta b’gowl mir-rebawnd tas-solitu Romelu Lukaku wara li daqqa ta’ ras tiegħu kienet salvata parzjalment.

Rebħa tajba wkoll għal Chelsea li għelbu 4-0 lil Stoke barra minn darhom. Alvaro Morata fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti, biex Pedro Rodriguez irdoppja man-nofs siegħa logħob. Alvaro Morata għalaq il-logħba bit-tielet gowl fis-77 minuta, biex erba’ minuti wara kompla għal ġewwa mill-viċin biex għaqqad it-tripletta personali.

Tottenham għelbu lil West Ham 3-2 fid-derby ta’ Londra. Harry Kane reġa’ kien protagonist fejn skurja doppjetta fl-logħba li Tottenham sfaw jilagħbu b’għaxra fit-tieni taqsima. L-ewwel gowl tiegħu wasal wara 35 minuta b’daqqa ta’ ras biex  erba’ minuti wara għamilhom tnejn b’gowl faċli. Għal Tottenham skurja wkoll Christian Eriksen mas-siegħa logħob b’xutt sabiħ fil-baxx.

West Ham baqgħu jissieltu u wara li Javier Hernandez naqqas id-distakk, kellhom vantaġġ numeriku wara li tkeċċa Aurier għat-tieni karta safra. Kouyate skorja t-tieni gowl b’daqqa ta’ ras b’saħħitha fis-87 minuta, iżda ma rnexxielhomx isalvaw il-logħba.

Everton dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Bournemouth 2-1. Joshua King fetaħ l-iskor b’xutt djagonali, iżda Baye Niasse skorja darbtejn fis-77 u fit-82 minuta. L-ewwel meta rċieva mingħand Davies, biex ħames minuti wara, skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Rebħa barra minn darhom għal Watford fuq Swansea bl-iskor ta’ 2-1. Andre Gray poġġa lil Watford minn fuq fit-13-il minuta b’xutt b’saħħtu mill-viċin, iżda Tammy Abraham ġab id-draw fis-56 minuta mir-rebawnd. Madankollu kien Richarlison li ddeċieda l-partita favur Watford b’azzjoni personali fid-90 minuta. F’logħba oħra, Burnley u Huddersfield spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.