Rapporti mill-peniżola Koreana rreferew għal theżżiża tal-art fil-Korea ta’ Fuq li rreġistrat 3.4 fuq l-Iskala. It-theżżiża seħħet xi 50 kilometru ‘il bogħod minn sit fejn isiru t-testijiet nukleari u għall-armi waqt li magħruf li terremoti oħrajn preċedenti fl-istess zona kienu kaġunati mill-provi għall-armamenti li mexxa r-reġim fi Pyongyang.
Filwaqt li l-esperti fiċ-Ċina rreferew għal ‘splużjoni suspettata’ fil-Korea komunista, il-Korea t’Isfel qalet li f’dan il-każ, x’aktarx li kien seħħ terremot naturali mingħajr ebda konnessjoni ma’ xi test nukleari.
Il-Korea ta’ Fuq, fit-3 ta’ Settembru, wettqet prova nukleari massiċċa li ġibdet kundanna sħiħa min-Nazzjonijiet Uniti. Intant sorsi qrib il-US Geological Survey ma rnexxilhomx jindikaw bl-eżatt il-kawża għall-aħħar theżżiża fil-Korea komunista.
It-theżżiża inkwistjoni kienet irreġistrata fil-provinċja ta’ Hamgyong, fejn hemm is-sit nukleari ta’ Punggye-ri – bl-esperti jikkalkulaw li din seħħet xi ħames metri taħt l-art. Waqt li l-kawża baqgħet mhix magħrufa, xi analisti tal-Korea ta’ Fuq ma jeskludux li ‘seta ċeda network ta’ mini fis-sit fejn isiru l-provi’.
It-theżżiża kienet iżgħar mit-terremoti rreġistrati qabel b’riżultat tas-sitt provi nukleari li saru s’issa mill-Korea ta’ Fuq – bir-reġim fi Pyongyang jirreferi għall-aħħar prova ta’ jiem ilu bħala ‘waħda għal bomba tal-idroġenu’.
//= $special ?>

