Lokali

Adrian Delia jiltaqa’ mal-kandidati tas-7 distrett

Il-Ħadd waranofsinhar saret laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn Adrian Delia ltaqa’ mal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista tas-seba’ distrett – li kollha kemm huma ikkommettew ruħhom li jċedu s-siġġu Parlamentari jekk jiġu eletti f’elezzjoni każwali biex jimtela’ l-post vakat mid-Deputat Jean Pierre Debono. Ikun f’dak il-mument li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jkun jista’ jiġi co-opted fil-Parlament.

Dan peress li atkar kmieni, fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li ż-żewġ kandidati tiegħu li ħarġu f’isem il-Partit Nazzjonalista fis-7 Distrett se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni każwali biex jimtela’ is-siġġu vakat mid-Deputat Jean Pierre Debono. Iż-żewġ kandidati, Monique Agius u Lee Bugeja Bartolo kienu kisbu 76 u 43 vot rispettivament fl-ewwel għadd.

Waqt il-laqgħa, li għaliha kienu preżenti l-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista tas-7 distrett ħlief Peter Micallef – li ma setax jattendi peress li jinsab imsiefer, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista fuq dan id-distrett għal-lealtà li qed juru lejn il-partit u lejn il-pajjiż bid-deċiżjoni tagħhom.

Adrian Delia fakkar li bid-deċiżjoni tagħhom, huma qed jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Kunsilliera u t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista; u b’rieda tajba qed jingħaqdu biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jissaħħah u jimxi ‘l quddiem bħala partit wieħed u magħqud.

Nota: Il-kandidat Peter Micallef jinsab imsiefer