Lokali

AĠĠORNAT – Żewġ fjamingi jintlaqtu b’tir ta’ senter – wieħed ikollu jitraqqad

“Il-Gvern jidher li qed jadotta attitudni li ma jimpurtah minn xejn” – Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana

Hekk kif kmieni dalgħodu BirdLife Malta u uffiċjali tal-Pulizija ssejħu f’Ħal Far minn persuna li rat lill-għasfur qed jitniżżel u jaqa’ mal-art ftit ’il bogħod minn fejn intlaqat minn tir, ftit tal-ħin wara intlaqat Fjamingu ieħor fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn. Filwaqt li t-tieni għasfur jinsab taħt osservazzjoni, BirdLife Malta appellat għal azzjoni immedjata minn naħa tal-Gvern.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana ddeskriva dan bħala xokkanti u diżgustanti. “Biex tkompli tgħaxxaqha l-Gvern jidher li qed jadotta attitudni li ma jimpurtah minn xejn, u saħanistra għadu qed jikkunsidra l-wegħdiet ta’ tnaqqis fil-multi. Aħna nesiġu li tittieħed azzjoni f’isem dawk kollha li jħobbu n-natura. Nitolbu lill-pubbliku biex juri l-preokkupazzjoni tiegħu u jappoġġjana aktar minn qatt qabel.”

Wara li nġabar, l-ewwel Fjamingu ġie mgħoddi f’idejn il-Pulizija li ħaduh għand il-veterinarju. Sfortunatament l-għasfur laħaq tilef ħafna demm mill-ġewnaħ tal-lemin li nqasam kompletament u ma seta’ jsir xejn biex jiġi salvat. Minħabba l-feriti serji kkaġunati mit-tiri tas-senter ma kien hemm l-ebda triq oħra ħlief li jitraqqad.

B’kollox kienu ħdax-il għasfur protett midrub li nġabar minn BirdLife Malta din il-ħarifa għalkemm ġew innutati diversi għasafar oħrajn b’feriti differenti. Fi stqarrija BirdLife Malta spjegat li din is-sena hu wieħed mill-agħar staġuni tal-kaċċa tal-ħarifa fl-aħħar snin.   Sadanittant BirdLife Malta ħeġġet għal sforz ikbar biex jittejjeb l-infurzar u għal darba oħra talbet lill-Gvern biex kemm jista’ jkun malajr iwaqqaf Wildlife Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.