Lokali

FILMAT: “Nagħmlu l-politika b’imħabba – ningħaqdu għall-ġid tal-Partit u l-pajjiż” – Adrian Delia

Irridu li kull deċiżjoni li nieħdu fil-politika tittieħed b’imħabba, mhux biss lejn il-Partit, iżda anke lejn il-pajjiż. Għalhekk qed nagħmlu dan kollu flimkien b’għaqda. Nirringrazzja lil eluf ta’ persuni li fis-silenzju tagħhom jibgħatuli ittri, SMSs u messaġġi oħra li jridu jikkontribwixxu u li qed iħossuhom, għal darb’oħra, parti mill-Partit Nazzjonalista.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101. Adrian Delia rringrazzja lil Jean Pierre Debono, kif ukoll lill-kandidati fuq is-seba’ distrett elettorali għal-lealtà tagħhom għall-fatt li issa, dak li ddeċidew il-Kunsillieri u t-tesserati jista’ jseħħ. “Jean Pierre Debono u l-kandidati tal-Partit fuq id-distrett fehmu li s-siġġu mhux tagħhom personali imma misluf lilhom. Fehmu wkoll li f’dan il-mument hu importanti li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jsir Kap tal-Oppożizzjoni,” qal Adrian Delia, filwaqt li sostna li Jean Pierre Debono ma marx ikellmu b’xi trattativa, iżda offrielu s-siġġu Parlamentari tiegħu.

Adrian Delia qal li l-ewwel ġimgħa tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet mimlija b’attivitajiet u laqgħat man-nies, iżda kellha wkoll laqgħat ta’ handover. Hu spjega wkoll li meta rrefera għall-fatt li ħajja tal-Maltin hi sempliċi, u kien qed jirreferi għall-fatt li l-poplu Malti u Għawdxi jħobbu l-aktar affarijiet żgħar u li jagħtu pjaċir, jiġifieri li jiltaqgħu flimkien u li ma jkunx mibgħeda bejniethom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal-laqgħa li se jkollu mal-Prim Ministru fil-jiem li ġejjin, u sostna li din il-laqgħa m’għandiex tkun għall-media u l-kameras, iżda jrid li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jpoġġu bilqegħda u jaraw x’inhuma l-prijoritajiet tal-familji Maltin u Għawdxin. “Ma rridux li l-aġenda dejjem jagħmilha l-Gvern, iżda rridu nagħmlu l-aġenda anke aħna mill-Oppożizzjoni,” sostna Adrian Delia. Hu staqsa fejn qiegħed il-Gvern fuq il-morali, filwaqt li sostna li l-Oppożizzjoni diġà qed tagħmilha ċara li fuq liġijiet ta’ moralità, m’għandux ikun hemm kuluri politiċi fin-nofs.

Dwar l-aħħar statistika li turi żieda fil-faqar finanzjarju, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li n-numri juru żieda ta’ 8,200 persuna f’din il-kategorija, kull politiku għandu jinkwieta anke jekk ikun hemm persuna waħda. “Hu piż kbir fuq kull politiku li jkun hemm żieda ta’ 8,200 persuna, meta wieħed jiftakar li kważi 100,000 persuna li jsibuha diffiċli biex jaslu sal-aħħar tax-xahar. Din għandha tkun waħda mill-aktar affarijiet ta’ prijorità fil-governanza ta’ pajjiżna,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li mill-Oppożizzjoni, jrid li jibda jiddiskuti mal-Gvern biex din tingħata prijorità.

Hawnhekk, Adrian Delia staqsa x’sar minnhom il-flus mill-bejgħ tal-passaporti. Hu fakkar li l-isptarijiet mhux jinbnew minn dawn il-flus, iżda nbiegħu lill-barranin, waqt li anke t-toroq mhux qed jinbnew minn dawn il-flus. Hu sostna li l-politika tiegħu se tkun iffukata biex toħroġ lin-nies mill-faqar u mhux li tħallihom fil-faqar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-proċess biex tiġi eletta l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għandu jitħaffef u jintemm sal-aħħar tas-sena, biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jibda s-sena l-ġdida bit-team tal-amministrazzjoni ffukat biex il-Partit Nazzjonalista jsir magna elettorali rebbieħa.

Lejn tmiem l-intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, id-Deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono ħabbar li għada se jkun qed jissottometti r-riżenja tiegħu minn Membru Parlamentari lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia. Hu qal li meta ra li l-kwistjoni għadha bla soluzzjoni, lbieraħ waranofsinhar offra lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li jċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu biex Adrian Delia jkun jista’ jinħatar Membru Parlamentari u Kap tal-Oppożizzjoni. Hu appella għall-għaqda fil-Partit u sostna li s-siġġu Parlamentari ma kienx tiegħu iżda misluf min-nies.